Il-PD jitlob lill-PA tirrifjuta l-iżvilupp f’Kalanka

Il-Partit Demokratiku (PD) talab lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) sabiex tirrifjuta l-proposta ta’ żvilupp tal-lukanda mwaqqgħa f’Kalanka, Delimara.
Il-PD argumenta li dan is-sit fejn tinsab il-lukanda jinsab barra miż-żoni ta’ żvilupp, kif ukoll l-inħawi għandhom valur ekoloġiku u xjentifiku, li l-PA jaqblilha tipproteġi milli teqred.
Ippropona li flok l-iżvilupp, ikun hemm pjan mill-awtorità sabiex l-inħawi jerġgħu jinġiebu fl-istat naturali tagħhom.
Saħaq li l-iżvilupp propost se jwassal biex il-lukanda li tinbena tieħu ħafna aktar spazju minn dik li kien hemm, u allura jħalli impatt negattiv kemm fuq il-veduta għal għajn il-bniedem, kif ukoll ħsara irreparabbli lill-ambjent.
Il-PD jirrimarka li l-mina proposta fl-iżvilupp tħalli ħsara fuq il-fasla ġeoloġika tal-inħawi, fatt li ntwera fl-Assessjar tal-Impatt Ambjentali.
Dawn l-iżviluppi u aktar, fosthom toroq li jwasslu għal dil-lukanda, se jtellfu ġawhra naturali lill-poplu, tkompli l-istqarrija.
Finalment, l-istqarrija tenfasizza l-ħtieġa li jinsab bilanċ bejn l-iżvilupp sostenibbli u l-ambjent tal-pajjiż, filwaqt li jfakkar li l-iżvilupp propost jikser kundizzjonijiet mitluba mill-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) u l-Politka Rurali.
Sadanittant, l-għaqda Save Delimara ħeġġet lin-nies jikkummentaw fuq dan l-iżvilupp f'sit apposta.