Il-PD jitlob lill-Ministru jxammar il-kmiem dwar it-trasport pubbliku li ‘ħa nagħsa’

Il-Partit Demokratiku talab lill-Ministru għat-Trasport ixammar il-kmiem u jagħmel xi ħaġa għall-qagħda tat-trasport pubbliku deskritta minnu bħala “tal-biki”.
Il-PD qal fi stqarrija li s-servizz ilu għal dawn l-aħħar snin f’nagħsa li donnha ma tridx titlaq, u għal dan kollu qed ikollu jħallas il-poplu.
Il-partit tal-oranġjo rrimarka li saret komuni li xarabank tasal tard jew ma tasal qatt, u dan minkejja li l-poplu ħallas €29 miljun fl-2014, €23 miljun fl-2015 u €27 miljun is-sena l-oħra f’sussidji għas-servizz.
Il-PD saħaq li b’dawn il-miljuni kollha suppost hawn servizz state of the art.
Barra minn hekk, il-partit talab biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku tat-trasport.
Argumenta li m’hemmx kundizzjonijiet tajbin biżżejjed, għax kieku ma jkunx hemm rata għolja ta’ ħaddiema ġejjin u sejrin.
Temm jgħid li huwa biss billi jitjieb is-servizz li tiġi indirizzata wkoll il-konġestjoni tat-traffiku, li qed tkompli tgħakkes is-sitwazzjoni tat-toroq.
Ritratt: Arkivji