Il-PD jitlob lill-Gvern: “Pjan ċar tal-fondi”

Skont il-Partit Demokratiku, il-Bord ta’ Governanza għall-fondi għandu jippubblika pjan ta’ investiment bil-quddiem, kif ukoll jiftaħ kull deċiżjoni għall-iskrutinju tal-Parlament.

Il-PD dan qalu fi stqarrija fejn ilmenta dwar il-governanza ħażina u nuqqas ta’ trasparenza fil-fondi pubbliċi, partikolarment fil-Programm ta’ Investiment Individwali (IIP).

Huwa nnota li fl-2014, il-gvern kien stqarr li l-iskema kienet intiża biex tintuża għall-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali biss, però wara ħareġ li 30% minnhom kellhom jintużaw għal investimenti oħra fit-tul.

F’Lulju tal-2016, sar l-ewwel trasferiment ta’ €365.5 miljun bl-intenzjoni li jintużaw għal housing soċjali u titjib fil-kura tas-saħħa. Iżda minflok, il-fondi ntużaw biex jinxtara 49% tal-Lombard Bank u stocks oħra tal-Gvern mingħajr ma ngħataw dettalji pubblikament.

Il-PD sostna li l-fond għandu jintuża fl-interess pubbliku u mhux għal profitt ekonomiku.

Skont il-Partit Demokratiku, Identity Malta, l-entità li tmexxi l-iskema tal-IIP, hi nieqsa mill-kontabbiltà u trasparenza effettiva.