Il-PD jitlob investigazzjoni indipendenti fuq il-kuntratti tal-power station

Il-Partit Demokratiku qed jitlob investigazzjoni indipendenti fuq il-kuntratti tal-power station wara dak li ġie żvelat minn The Daphne Project fejn deher li fl-2017 Malta ħallset għexieren ta’ miljuni ta’ ewro aktar milli suppost minħabba li l-Gvern rabat lill-Enemalta u lill-Electrogas biex jixtru l-gass mill-Azerbajġan.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li b’dawn l-aħbarijiet , il-Gvern għandu jippubblika l-kuntratt sħiħ mal-Electrogas u Socar filwaqt li ssir investigazzjoni minn esperti barranin bir-rapport finali jiġi ppreżentat lill-Parlament u lill-pubbliku.
F’numru ta’ mistoqsijiet, il-Partit Demokratiku qed jitlob għalfejn ġie ffirmat dan il-kuntratt mas-Socar, għalfejn il-gass LNG ma ġiex mixtri b’rati aktar irħas u għalfejn qatt ma kien hemm tender pubbliku biex kumpaniji jissottomettu l-interess tagħhom li jfornu lil Malta bl-LNG.
Il-Partit Demokratiku temm jgħid li dan il-ftehim b’rati għoljin aktar mir-rati kummerċjali qed jitfa’ lil Malta fi żvantaġġ.
Gass bl-għoli? Il-Gvern u l-PN jgħidu tagħhom