​Il-PD jissieħeb mal-Liberali u d-Demokratiċi Ewropej

Il-Partit Demokratiku ħabbar li ġie aċċettat bħala membru sħiħ fl-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi tal-Ewropa (ALDE).
Fi stqarrija il-PD qal li s-sħubija fl-ALDE kienet pass naturali għall-partit biex jenfasizza d-drittijiet taċ-ċittadin qabel is-saħħa tal-istat, kif ukoll ir-responsabbiltajiet u l-obbligazzjonijiet li ċ-ċittadini jkollhom lejn xulxin.
Il-PD saħaq li xogħlu fl-Oppożizzjoni fil-Parlament huwa li jpoġġi l-interessi tal-ġid komuni qabel il-politika partiġġjana.  
Fl-istqarrija, il-PD qal li permezz tas-sħubija l-ġdida tiegħu mal-ALDE se jkun qed jenfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet jingħataw il-poter li għandhom bżonn biex ikunu tassew indipendenti. Il-partit saħaq dwar l-importanza li n-nies jingħataw is-saħħa u li l-politiċi għandhom ikunu aktar trasparenti u responsabbli għal għemilhom.
Fl-okażjoni, id-deputat tal-PD Marlene Farrugia qalet li l-missjoni tal-PD hija li tinkoraġġixxi lil kull persuna biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Spjegat li biex jintlaħaq dan il-potenzjal, in-nies iridu jkunu qed jgħixu f’ambjent ta’ meritokrazija fejn ir-rispett għal-liġi (is-saltna tad-dritt) u l-governanza tajba jirrenjaw.
Ritratt: PD