Il-PD jipproponi inċentivi għall-prodotti organiċi lokali

Il-Partit Demokratiku qal li biex Malta tgħeleb l-isfidi tas-settur agrikolu hemm bżonn ta’ suq speċjalizzat li jkun ta’ appoġġ għall-bdiewa Maltin fl-esportazzjoni tal-prodotti distini u lokali tagħhom. Dan għandu jsir billi ż-żejjed tal-prodotti lokali jiġu esportati bl-aħjar strateġija ta’ reklamar.
Il-Partit Demokratiku semma’ n-numru ta’ sfidi li qed jaffaċċjaw il-bdiewa Maltin fosthom in-nuqqas ta’ persuni li jkomplu jaħdmu f’dan is-settur u l-kompetittività tas-suq li qed isservi biex f’Malta jiddaħħlu prodotti minn barra li xi drabi jkunu ta’ kwalità ferm inqas baxxa minn dik ta’ prodotti lokali.
Appella wkoll għal riformi mmirati għall-użu tal-fertilizzanti kimiċi li għandhom effett dirett fuq ir-riżorsa tal-ilma.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku faħħar lill-Gvern għall-inizjattiva li jwaqqaf l-użu tal-glyphosate f’Malta wara li d-deputat tal-PD Godfrey Farrugia għamel l-intervent tiegħu fil-Parlament.
L-istqarrija ttemm tgħid li hemm bżonn ta’ riforma ħolistika għas-settur agrikolu speċjalment peress li Malta m’għandix tiddependi biss fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti barranin.