Filmat: Il-PD jipproponi Fast Ferry b’xejn għal min jaħdem Għawdex

Filwaqt li sostnew il-pożizzjoni tagħhom kontra mina bejn Malta u Għawdex, rappreżentanti tal-Partit Demokratiku qalu li s-servizz bil-baħar bejn Għawdex u Malta għandu jkun b’xejn għall-Maltin u l-Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex.

Dwar is-servizz express bil-baħar, il-PD qal li dan għandu jwassal lill-Għawdxin lejn San Pawl il-Baħar, tas-Sliema, il-Belt, u l-Kalkara. Qalu li dan inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jnaqqas it-traġitt fuq it-toroq u jkun b’xejn għall-Għawdxin u Maltin li jaħdmu fuq il-gżira l-oħra.

Spjegaw kif Għawdex bħalissa għandu żewġ sfidi: dik li l-popolazzjoni Għawdxija dejjem tonqos minħabba li nies ta’ skola u tas-sengħa jemigraw lejn Malta u dik tal-ekonomija li dkont il-Partit Demokratiku ma evolvietx għax l-opportunitajiet huma nieqsa. Saħqu li “Għawdex mhux vetrina” u għalhekk għandu bżonn jirnexxi.

Fost proposti oħra għal aktar aċċessibiltà bejn iż-żewġ gżejjer, il-PD ppropona li jiġi riorganizzat it-trasport pubbliku biex, flimkien mal-fast ferry, jkun hemm rotot frekwenti u diretti bħala parti mill-kampanja lejn tnaqqis tal-użu tal-karozzi. Issemmiet ukoll l-introduzzjoni ta’ servizz ACES (automated, connected, electrical, chaired) lejn Buġibba, San Ġiljan u Smart City.

PD kontra l-mina, favur sistema ta’ karrozzi awtomatiċi

Dwar il-Ministeru għal Għawdex, il-PD qal li matul is-snin dan spiċċa b’wisq poter f’idejn il-Ministru. Il-PD, bħal Partit Nazzjonalista, qed jipproponi t-twaqqif ta’ Assemblea Reġjonali eletta direttament mill-Għawdxin b’fondi adegwati u poter li jittieħdu deċiżjonijiet f’ċertu oqsma. Fissru kif skonthom, lir-rwol tal-Ministru jkun li jiżgura li Għawdex jibqa’ mal-linja ta’ politika meħuda mill-Kabinett, u ma jkunx involut fit-tmexxija ta’ kuljum.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġew spjegati wkoll temi relatati mal-viċjoni tal-Partit Demokratiku dwar Ħondoq u l-viżjoni soċjali għal Għawdex, inkluż Inċentivi u opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex għall-gruppi ta’ etajiet differenti.

Huma temmew il-konferenza tal-aħbarijiet billi qalu li l-Partit Demokratiku jemmen li “Għawdex żgur mhux presepju biex jinżamm għall-gost u pjaċir ta’ ħaddieħor”.