Il-PD iħeġġeġ għal soluzzjoni dwar l-Airshow

Il-Partit Demokratiku kkritika l-aġir tal-Ministeru għat-Turiżmu li minħabba fih mhux se jkun organizzat l-Air Show Internazzjonali ta’ Malta ta’ din is-sena.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li filwaqt li okkażjonijiet straordinarji bħall-Valletta 2018 huma importanti, dawn jiġu darba fil u huma l-attivitajiet annwali li jsostnu l-industrija tat-turiżmu.
Appella lill-Ministru għat-Turiżmu biex kemm jista’ jkun malajr iwieġeb lis-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni bil-għan li tinbidel id-deċiżjoni u jkunu jistgħu jibdew il-preparamenti.
Kompla jappella lill-Ministeri kollha u lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jaqtgħu l-burokrazija u jkun stabbilit uffiċċju wieħed li jieħu ħsieb jikkordina l-permessi u dak kollu meħtieġ biex jiġu organizzati attivitajiet simili.
Il-Partit Demokratiku insista li dan mhux żmien li jiġu traskurati attivitajiet bħall-Airshow anzi insista li attivitajiet bħal dawn għandhom jingħataw l-appoġġ biex jikbru u jissaħħu.
F’post fuq Facebook, is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni qalet li minkejja li kitbet lill-Ministru għat-Turiżmu ftit sigħat biss wara li spiċċat l-edizzjoni tas-sena l-oħra, baqgħet ma rċeviet l-ebda risposta. Qalet li dan mhu qed iħallilha l-ebda triq oħra ħlief li tħassar l-avveniment ta’ din is-sena.

Ritratt: Arkivji