Il-PD jgħid li jibqa’ jħaddan il-prinċipju tal-ħajja

Il-Partit Demokratiku qal li l-viżjoni tiegħu tħaddan il-prinċipji tal-ħajja u d-dinjità tal-individwu. Fi stqarrija l-PD ikkritika dak li sejjaħ bħala l-“irrazjonalità” li ntweriet mill-Ministru għas-Saħħa dwar ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-ġenituri biex jaġixxu fl-interess tat-tarbija mhux imwielda.

Il-Mexxej tal-PD Godfrey Farrugia irrefera fost l-oħrajn għall-kummenti tal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li fuq RTK qalet li l-itqal deċiżjoni ta’ ħajjitha kienet meta ffirmat il-liġi dwar l-embrijuni li għaddiet mill-Parlament.

“L-itqal mument ta’ ħajti meta ffirmajt il-liġi dwar l-embrijuni”

Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PD Martin Cauchi Inglott, li sostna li l-Gvern għandu aġenda moħbija biex idaħħal aktar liġijiet li jnaqqsu l-protezzjoni tat-trabi mhux imwielda, minkejja l-wiegħdiet tal-Prim Ministru li mhu se jiġri xejn minn dan taħt it-tmexxija tiegħu.

Qal li f’Malta diġà hawn 15-il embrijun iffriżat u x’ħin jitnieda l-ittestjar ġenetiku, koppji li jaddottaw jibdew jistaqsu dwar l-istat tas-saħħa tat-trabi mhux imwielda.