Il-PD jgħid li hu favur l-iskema taċ-ċittadinanza imma…

Il-Partit Demokratiku jgħid li huwa favur l-Iskema ta’ Ċittadinanza b’investiment sakemm jintuża l-aqwa protokoll b’diliġenza u moniteraġġ.
Fi stqarrija, il-PD saħaq li l-iskema tal-IIP għandha bżonn bidu ġdid u mhux konsultazzjoni pubblika li ddeskrivieha bħala kosmetika.
Il-PD ikkritika l-Gvern li tilef il-viżjoni u li flimkien ma’ Henley & Partners qed jopera b’mod li mhux trasparenti. Sostna li hemm ukoll deputati mill-Oppożizzjoni fil-bejgħ tal-passaporti.
Il-programm ta’ investiment u l-bejgħ taċ-ċittadinanza flimkien mas-sitwazzjoni preżenti għandha tiġi eżaminata bir-reqqa fil-fehma tal-Partit. Huwa saħaq ukoll li l-program għandu jkun miftuħ għall-kumpaniji oħra minn barra Henley & Partners.
Il-Partit tal-Oranġjo sostna li jekk il-mira tal-bejgħ taċ-ċittadinanza hi li jinħoloq effett li jimmultiplika ruħu li jistimula l-ekonomija fit-tul, mela din il-mira mhux tintlaħaq għax fil-kliem il-PD il-flus mhux imorru fejn hemm bżonn.
Saret kritika wkoll fil-konfront ta’ Identity Malta fejn il-PD allega li din ma mxietx mal-proċedura standard iżda kompliet mal-Gvern.
Skont il-PD dan wassal biex tkun ipperikolata r-reputazzjoni tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta.
Huma saħqu li minn wieħed li kellu jattira sinjuruni lejn Malta u li flus mill-bejgħ imorru fil-Fond Konsolidat, l-investiment spiċċa proġett imtappan minn governanza ħażina u nuqqas ta’ trasparenza.