Aġġornata: Il-PD b’petizzjoni kontra l-emenda għall-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari

Il-Partit Demkratiku qal li se jniedi petizzjoni fuq is-sit tal-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex l-emenda fl-Att dwar il-Pensjonijiet tiġi rtirata.
Fi stqarrija l-Partit tal-Oranġjo qal li kellem lill-Whip Nazzjonalista, Robert Cutajar, sabiex il-partit ikun irrappreżentat fil-Kumitat dwar l-Abbozzi, sabiex jitlob li jkun hemm dibattitu meta jkun hemm it-Tielet Qari tal-Abbozz fil-Parlament.
L-għan tad-dibattitu se jkun finalment li jittieħed vot, u kull MP irid jgħid ċar kif jaħsibha dwar din l-emenda fl-Att dwar il-Pensjonijiet.
Sadanittant, il-Kap tal-PD, Anthony Buttigieg, qal li l-PD dejjem se jibqa' jieħu n-naħa tal-poplu, u saħaq li l-PL u l-PN flok qed jieħdu ħsieb lin-nies li tellugħhom, qed jieħdu ħsieb l-interessi tagħhom.
Aktar kmieni fi stqarrija differenti l-PD qal li l-Membri Parlamentari tiegħu qatt ma ġew mitkellma l mill-Gvern u lanqas mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti fl-Oppożizzjoni dwar id-deċiżjoni li ttieħdet biex il-MP jieħdu pensjoni sħiħa jekk iservu anki f’leġiżlatura waħda biss.
L-Att dwar il-Pensjoni, li tressaq mill-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, jagħti ċ-ċans li l-MP jirċievi l-pensjoni prorata, anki jekk ma jkunx serva l-leġiżlatura kollha.
Sa qabel ma ddaħħlet l-emenda, MP kien jieħu l-pensjoni sħiħa wara żewġ leġiżlaturi, mhux waħda.
Il-Ministru Cardona qal li dawn l-emendi sabu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni.
Madankollu llum fi stqarrija l-PD giddeb dan.
Barra minn hekk, elenka 4 punti dwar is-suġġett;

  1. M’għandu jkun hemm ebda riforma fil-pensjoni tal-MP sakemm ma l-pensjonanti kollha tal-pajjiż ikollhom pensjoni diċenti huma wkoll
  2. Jistaqsi jekk se jkun hemm ir-riforma biex MP isir full-time, hix se tgħoddlu wkoll din tal-pensjoni
  3. Iqis dil-miżura mhux f’waqtgha, meta għandek pensjonanti li bil-pensjoni ma jlaħħqux mal-ħajja, u ż-żewġ terzi li jaqilgħu fil-verità ma jaqilgħuhom qatt, għax għalihom hemm limitu ta’ kemm tirċievi pensjoni
  4. Ħafna Membri u Segretarji Parlamentari għandhom xogħol full-time li għalih xi darba se jirċievu pensjoni wkoll
  5. Pensjoni b’żewġ livelli hi aċċettata għall-MP, iżda mhux għall-bqija tan-nies. Il-PD jistaqsi kemm hu soċjalista dal-gvern jekk jimxi hekk mal-poplu.

Sadanittant, b'filmat fuq Facebook, il-MP Marlene Farrugia qabblet dil-miżura ma' dik li kien ħa l-aħħar Gvern Nazzjonalista, meta kien ta €500 fil-ġimgħa lill MP.