Il-PD iġedded it-talba biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt tal-VGH

Il-Partit Demokratiku reġa’ ħeġġeġ lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga t-trasfermint tal-konċessjoni li l-Gvern kien ta lil Vitals Global Healthcare u li issa għaddiet f’idejn Steward Health Care.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li kiteb lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jgħidlu li jaqbel mat-talba li għamel il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, biex jiġi investigat il-kuntratt mal-VGH.
Il-Partit Demokratiku kkwota lis-Sunday Times of Malta li qal li l-Gvern iffirma Memorandum of Understanding mal-investituri sitt xhur qabel ma’ saret sejħa ta’ espressjoni ta' interess.
Jinnota li jekk dan huwa minnu, l-operatur preżenti kellu vantaġġ “mhux ġust” fuq kumpaniji oħra li wrew interess fit-tmexxija tal-isptarijiet.
Kien għalhekk li saħaq li jista’ jkun li l-proċess kompetittiv kien nieqas u dan ifisser li l-Istat ma jkunx ġab l-aqwa ftehim.
Il-Partit Demokratiku fakkar li dan mhux sempliċiment każ ta’ privatizzazzjoni imma “kuntratt ta’ servizz” fejn l-operatur għandu jibqa’ jagħti servizz fl-interess pubbliku u għalhekk jagħmel il-kwistjoni aktar serja.
It-talba biex issir investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali saret ukoll mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) bis-Segretarju Ġenerali Martin Balzan jiddeskrivi l-ftehim bħala fażul u li mhux fl-aqwa interess tal-pazjent.
Fl-istess ittra, il-PD fakkar li kiteb lill-Kumitat biex jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga għaliex l-art li fuqha hemm Smart City ma reġgħetx marret għand il-poplu meta min akkwista l-art ma żammx mal-kundizzjonijiet maqbula fil-kuntratt.