Il-PD jemmen li l-Gvern qed japprofitta mill-Kostituzzjoni biex jidħol f’kuntratti suspettużi

Il-Partit Demorkatiku jidhirlu li l-Gvern qed japprofitta minn nuqqasijiet fil-Kostituzzjoni Maltija biex jidħol f’kuntratti u negozjar suspettużi.
B’eżempju għal dawn il-kuntratti jsemmi l-Electrogas, Cafè Premier, l-isptarijiet lil Vital Global Healthcare, l-art tal-Università Amerikana f’Malta, Crane Currency u l-art tal-ITS.
Il-Partit tal-Oranġjo qal fi stqarrija li l-Kostituzzjoni Maltija ma tiddettax lill-Gvern biex jagħti rendikont ta’ għemilu, u aktarx il-Gvern qed japprofitta minn dan.
Jinsinwa li l-Gvern qed jieħu xi ħaġa għalih, meta jgħid fl-istqarrija li “ebda negozjant f’sensih mhu se jagħti dak li hu tiegħu meta l-ftehim ikun kontrih.”
Hawnhekk il-PD talab lill-Gvern biex, fi kliemu, jekk għandu l-ħerqa li f’Malta jkun hawn aktar trasparenza u governanza tajba jagħmel dawn iż-żewġ affarijiet:

  • Jipprovdi aktar riżorsi umani, teknoloġiċi u finanzjarji lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jaħdem b’aktar effiċjenza
  • Iqawwi liċ-Ċivil sabiex dan iwettaq dak li l-Awditur Ġenerali jikkonkludi

Dawn it-talbiet il-PD għamilhom għax l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali m’għandux is-setgħa li jassigura li l-amministrazzjoni pubblika twettaq dak li jkun jixhed ir-rapport tiegħu.
Innota wkoll li billi din l-istituzzjoni ma tiġix inkluża fil-miżuri tal-baġit, għax taqa’ strettament taħt l-amministrazzjoni tal-Parlament, m’għandhiex riżorsi biżżejjed biex taħdem.
Bħala eżempju ta’ tkaxkir tas-saqajn il-PD semma l-Electrogas.
Finalment, il-PD fakkar li kien talab lill-Gvern biex jinvestiga Smart City u l-Vitals, u nnota li rigward Smart City l-Partit Nazzjonalista ma tniffisx, iżda tal-inqas qabel miegħu dwar Vitals.