Il-PD irid li jiġi investigat Lawrence Cutajar

Read in English.

Il-Partit Demokratiku talab li jiġi investigat l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Dan wara li lbieraħ ħareġ f’The Sunday Times of Malta li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar iltaqa’ b’mod sigriet ma’ ‘sieħeb’ Melvin Theuma fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ ġie rrappurtat li l-azzjonijiet ta’ Cutajar setgħu ppreġudikaw ix-xogħol tal-investigaturi li kienu diġà fasslu pjan dwar kif kienu se jarrestaw lil Theuma, is-sensar fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-PD qal li jeħtieġ li ssir din l-investigazzjoni peress li Cutajar iltaqa’ mal-kompliċi ta’ Theuma minkejja li kien ġie mwissi biex iżomm ‘il bogħod. Il-PD insista li din l-investigazzjoni hija kruċjali fil-ġlieda biex f’Malta tirrenja s-saltna tad-dritt mill-ġdid.

L-istqarrija tgħid li għall-ġid tal-pubbliku, jeħtieġ li l-ħabel jiġi ssikkat u li ma jingħalqux għajnejn għall-ebda azzjoni, għax il-ġustizzja trid issir.