Il-PD irid inkjesta pubblika dwar in-nirien fil-Magħtab

CPD

Il-Partit Demokratiku sejjaħ għal inkjesta pubblika u indipendenti dwar in-nirien li kien hemm fil-Magħtab ilbieraħ.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li jrid l-inkjesta biextixtarr ir-raġunijiet għaliex, fi spazju ta’ 15-il xahar, kellna nirien fl-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin, u issa fil-Magħtab.”

Ilbieraħ Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili talab lir-residenti tan-Naxxar, San Ġwann, Tas-Sliema u postijiet oħra fil-viċinanzi biex iżommu t-twieqi ta’ djarhom magħluqa. Dan wara li nirien ħakmu parti mill-impjant tal-WasteServ fil-landfill tal-Magħtab.

Il-partit qal li dan l-istħarriġ għandu jistabbilixxi liema prekawzjonijiet ittieħdu, jekk il-miżuri li ttieħdu kienux skont hekk kif mistenni, u liema azzjoni korrettiva għandha tittieħed biex ma jkunx hemm ripetizzjoni. Qalu li s-sejħa tal-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera għal inkjesta mill-Avukat Ġenerali tonqos minn dak li jitolbu sitwazzjonijiet bħal dawn. Fi kliem il-PD, l-immaniġġjar ħażin poġġa ħajjet il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili f’riskju bla bżonn.

L-impjant tal-Wasteserve qed jaħdem b’mod normali wara li ġie kompletament mitfi min-nirien.

L-Awtorità tas-Saħħa avżat lill-pubbliku biex jaħsel il-frott u l-ħaxix qabel ma’ jieklu minħabba n-nar li kien hemm fil-Magħtab.