Il-PD inkwetat dwar negozjati ta’ 6 proġetti tal-Gvern

Il-Partit Demokratiku qal li jinsab inkwetat dwar il-mod kif il-Gvern qed jgħid li ftehimiet vantaġġużi li qed jingħataw lill-entitajiet privati huwa mezz ta’ kif jattira aktar investiment u impjiegi lejn Malta.
Fi stqarrija, il-PD qal li dawn il-ftehimiet qed jerġgħu jiġu mibjugħa jew l-użu oriġinali tal-art tal-proġett jinbidel għall-vataġġ tal-entità privata iżda b’detriment għall-ġid komuni. Skont il-PD, din il-ħaġa ilha ssir minn Gvern għall-ieħor.
Il-partit semma numru ta’ eżempji li jħoss li jsaħħu l-argument tiegħu:
SmartCity
Il-PD irrimarka li l-art ta’ SmartCity ingħatat b’termini vantaġġużi lil Tecom Investments biex jiġu kkreati knowledge-based jobs. Però, issa qed jinbiegħ għal żvilupp lussuż minn Ricasoli Properties. Staqsew jekk it-terms of lease tal-art inbidlux biex dan il-bdil fl-użu jiġi rifless fihom.
Sptarijiet
Il-PD fisser li l-konċessjoni għall-operat tal-isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech, u San Luqa li kienet ingħatat lil Vitals Global Healthcare issa nbiegħet lil Steward Health Care. Il-partit staqsa dwar kemm mill-investiment fl-aħħar sentejn minn Vitals sar mill-fondi tagħhom u kemm kien hemm flus pubbliċi li ġew investiti mill-ġdid.
Jistaqsi wkoll jekk il-VGH għamlitx profitt mill-bejgħ u x’proporzjon minnu huwa dovut lil Malta. Skont il-PD, l-akbar assi tal-bejgħ huma l-propjetajiet pubbliċi.
American University of Malta
Il-PD tkellem ukoll  dwar kif il-proġett tal-American University of Malta (AUM) kien ingħata biċċa art f’żona ODŻ f’Wied il-Għajn biex jinbena l-bini tiegħu. Irrefera wkoll għal rapporti li jindikaw nuqqas ta’ studenti fl-AUM. Appellaw biex ma jsirx żvilupp fiż-Żonqor sakemm il-kampus ta’ Bormla tal-Università jimtela.
Powerstation
Il-PD fakkar kif il-garanzija tal-Gvern għall-iffinanzjar tal-powerstation tal-Electrogas issa ġiet irtirata. Intqal li l-garanzija qajmet id-dubji peress li ħalliet kumpanija privata topera billi kienet qed tbigħ l-elettriku lura lill-Gvern bi prezzijiet ogħla mill-livell tas-suq.
Fi kliem ieħor, jiġifieri li l-pubbliku Malti kien qed jgħin lill-kumpanija tipproduċi l-elettriku biex din tkun tista’ tbigħlu lura l-elettriku bi profitt.
ITS
Proġett ieħor li kkritika l-PD kien dak tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fejn ingħatat art lil db Group bi prezz irħis immens.
Crane Currency
Skont il-PD, il-Crane Currency ingħatat termini vantaġġużi biex tinvesti f’Malta. Fakkar kif anke l-Membru tal-Parlament Ewropew Alfred Sant kien tkellem dwar it-tħassib tiegħu dwar il-bejgħ ta’ din il-kumpanija.
Il-PD sostna li fondi pubbliċi qed jintużaw għas-sussidji ta’ kumpaniji privati, liema kumpaniji mbagħad jagħmlu profitt minn termini li jkun aċċetta l-Gvern.
Il-PD temm jappella lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga ftehimiet li saru minn Gvernijiet preċedenti kif ukoll l-aħħar ftehimiet li semma fl-aħjar interess ta’ Malta.