Il-PD inkwetat dwar kif il-partiti politiċi jużaw il-midja soċjali

Il-Partit Demokratiku qal li jemmen li wasal iż-żmien li jkun hemm Kummissjoni Nazzjonali li tirregola lill-partiti politiċi, lill-kmamar tal-aħbarijiet u l-għaqdiet kollha, sabiex jitrażżan l-użu ħażin tal-mezzi soċjali.

Il-PD esprima t-tħassib tiegħu dwar l-użu tal-midja soċjali mill-partiti politiċi, għaqdiet u individwi biex jimmanipulaw l-opinjoni pubblika.

Fost dawn, semma gruppi fuq il-midja soċjali u siti, li għandhom l-għan jirredikolaw politiċi u ġurnalisti li ma jħaddnux l-istess opinjoni politika. Qal li dan jista’ jsir jew permezz ta’ profili foloz, iħħekjar ta’ siti, jew l-użu sistematiku ta’ persuni li jitqabbdu mill-partiti politiċi biex iwaqqgħu għaċ-ċajt lil min ma jaqbilx magħhom.

Il-PD jisħaq dwar il-libertà tal-espressjoni iżda jgħid li l-manipulazzjoni ta’ dan id-dritt, jimmina d-demokrazija li l-istess libertà trid tipproteġi.