​Il-PD imħasseb dwar l-iżvilupp f’Tignè

Il-Parit Demokratiku (PD) jinsab imħasseb dwar l-iżvilupp propost tal-Hotel Fortina u l-Fortina Spa Resort f’Tignè.
Fi stqarrija l-partit qal li dawn iż-żewġ lukandi mibnija fuq art f’pożizzjoni eċċezzjonali, se jiġu mibdula f’blokka ta’ appartamenti lussużi u f’lukanda ta’ ħames stilel ta’ 23 sular.
Skont il-PD, l-applikazzjoni ġiet sottomessa fis-6 ta’ Ġunju din is-sena. Żied jgħid li din l-art pubblika ingħatat bħala ċens għall-industrija tal-lukandi. Il-partit appella lill-Awtorità tal-Artijiet biex jassigura li jissalvagwardja l-interess pubbliku peress li dawn il-pjanijiet juru biċ-ċar li qed ikun hemm tibdil fl-użu li kien ġie mniżżel fil-kuntratt oriġinali.
Il-PD saħaq li dan jirrekjedi li għandha issir rikonsiderazzjoni taċ-ċens li ddeskrivietu bħala spiża insinjifikanti fid-dawl tal-ammont enormi ta’ flus li jistgħu jiġu ġġenerati.
Apparti minn hekk, il-PD innota wkoll li s-sottomissjoni tal-arkitet kienet tinkludi talba għal kors ta’ azzjoni kunfidenzjali. Il-partit spjega li din il-ħaġa hija normalment riżervata għall-applikazzjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, bħal ajruporti u faċilitajiet tal-banek.
Fl-istqarrija, il-PD appella biex issir stima tal-effetti fuq l-ambjent u s-soċjetà fuq din iż-żona residenzjali u kummerċjali.
Il-partit saħaq li jista’ jkun li l-iżvilupp diġà se jġib miegħu sfidi legali li jistgħu jaffetwaw il-kredibilità ta’ Malta. Dan minħabba li xi nies li għandhom time sharing slots fiż-żona jistgħu jsibu li l-investiment tagħhom jista’ jiġi invalidat.
Ritratt: Arkivji