Il-PD favur li 25% tal-baġit Ewropew imur għat-tibdil fil-klima

Il-Partit Demokratiku (PD) huwa favur li Malta tidħol fil-koalizzjoni tat-tmien stati membri fl-UE li qed jaħdmu biex 25% tal-baġit Ewropew jiġi ddedikat għat-tibdil fil-klima.

Fi stqarrija, l-erba’ kandidati tal-PD għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Camilla Appelgren, Anthony Buttigieg, Martin Cauchi Inglott, u Godfrey Farrugia ħarġu stqarrija konġunta li fiha esprimew l-impenn tagħhom lejn ekonomija Ewropea li taħdem għal kulħadd.

Skont il-PD, l-ekonomija ta’ Malta ma tistax tinfired mis-suq Ewropew u li l-isfidi li qed tiffaċċja Malta jridu jiġu indirizzati b’soluzzjonijiet Ewropej.

Intqal li l-Maltin qed jiffaċċjaw żieda fl-għoli tal-ħajja, inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol, bilanċ agħar bejn ix-xogħol u l-ħajja u sfidi oħra għall-kwalità tal-ħajja li jiġu minn ekonomija li tipprioratizza l-interessi tas-sinjur qabel l-interessi tal-ħaddiem komuni.

Il-kandidati qalu li ma jistax ikun hemm gvern li jgħid li għandu kuxjenza soċjali meta hemm nies aktar ugwali minn oħrajn.