Il-PD bi sfida għall-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Partit Demokratiku (PD) sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex fil-bidu tat-13-il leġiżlatura tal-Parlament, l-Oppożizzjoni titlob seduta żejda l-Ħamis, skont kif inhi stipulata l-alteranza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Fi stqarrija, il-PD saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jżomm mal-pożizzjoni tiegħu ta’ governanza tajba bil-fatti. Qal li hemm bżonn tinqabad t-triq fejn il-governanza tibda titħaddem b’kontabbiltà.

L-Oppożizzjoni Demokratika ssemmi diversi mozzjonijiet fosthom tfassil ta’ Pjan Nazzjonali dwar l-ippjanar u l-iżvilupp f’Malta u Għawdex u t-Twaqqif ta’ Kumitat Permanenti għas-sorveljanza tal-entitajiet regolatorji fis-settur Finanzjarju u tal-Gaming.

Il-Partit Demokratiku saħaq li jekk dawn iż-żewġ mozzjonijiet jiġu diskussi u implimentati jkunu jfissru governanza, kontabbiltà u trasparenza. Skont il-Partit Demokratiku, l-oppożizzjoni qatt ma ressqet mozzjonijiet imressqa minnhom f’oqsma li jsaħħu s-sostenabbiltà u l-iskrutinju ta’ pajjiżna.

Il-PD jgħid li jistenna lill-Kap tal-Oppożizzjoni, jidderieġi lill-Whip biex iressaq dawn il-mozzjonijiet fl-aġenda tal-Parlament.