Il-PD b’appell kontra li titwaqqa’ dar antika fir-Rabat

Il-Partit Demokratiku qed juri s-sapport mar-residenti li qed joġġezzjonaw għal applikazzjoni biex titwaqqa’ dar antika fil-qalba tar-Rabat biex minflokha tinbena residenza ġdida ta’ żewġ sulari.
Fi stqarrija qal li jekk l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ dan il-permess, l-iżvilupp se jkun ta’ dettriment għall-patrimonju kulturali u arkeoloġiku tal-pajjiż.
Fakkar ukoll li ħafna mid-djar f’dawn l-inħawi huma mibnija fuq it-tafal u dan il-proġett jista’ jaffettwa l-pedamenti tad-djar l-oħra fil-viċin.
Dan apparti l-ħsara li tista’ ssir fuq l-għerien ta' taħt ir-Rabat, siti arkeoloġiċi, u s-sistema tal-ilma naturali taħt l-art li tmur lura sa żmien ir-Rumani f’Malta.
Fl-istqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li studji dwar l-impatt ta’ kull żvilupp għandhom isiru minn awtoritajiet kompetenenti qabel ma’ jkun approvat l-iżvilupp.
Fl-2003 diġà kien hemm applikazzjoni biex titwaqqa’ din id-dar, liema applikazzjoni ma kinitx ġiet approvata.

Ritratt: Mill-Arkivji