Il-PBS m’għandux ikun liċenzjat mill-Gvern – espert legali

Read in English.

L-akkademiku u l-espert legali l-Professur Kevin Aquilina elenka 23 kritika fl-Att tal-Midja u d-Difamazzjoni. Għal Aquilina l-Att huwa spempliċiment l-istess att miżjud b’xi aġġornamenti.

Hu kiteb li l-PBS m’għandux ikun liċenzjat mill-Gvern u li l-Bord tal-membri ta’ PBS Ltd għandu jkun appuntant mill-parlament. Fost il-proposti, Aquilina ssuġerixxa li jkun hemm protezzjoni lill-ġurnalisti mill-azzjoni SLAPP, l-introduzzjoni tad-drittijiet diġitali fil-Kostituzzjoni, u li jitnaqqas ir-rwol tal-partiti politiċi fl-Awtorità tax-Xandir.

Aquilina ppublika l-proposti tiegħu f’kapitlu ppubblikat fil-ktieb Navigating the Maltese Mediascape editjat minn Fr Joe Borg u l-Prof Mary Anne Lauri u ppubblikat minn Kite.

Jitnaqqas ir-rwol tal-partiti politiċi fl-Awtorità tax-Xandir

Għal Aquilina l-Att tal-Midja u d-Difamazzjoni dar mal-problema bipartisana tal-Awtoritàta tax-Xandir li għall-awtur “tirrendih parzajlment fit-teħid tad-deċiżjonijiet u f’sitwazzjoni uniċi f’Malta fejn partiti politiċi għandhom is-servizzi tagħhom stess ta’ xandir bir-radju, bit-televiżjoni, bil-gazzetti, siti elettroniċi, kumpanijia tat-telefonija, djar tal-pubblikazzjoni u oħrajn.”

Fil-fehma tiegħu, liġi diċenti dwar il-midja kellha tirrigwarda din il-problema u ssolviha fl-interess tal-pubbliku, mhux fl-interess tal-akbar żewġ partiti politiċi li hemm fil-Kamra tar-Rappreżentanti.  

Protezzjoni lill-ġurnalisti mill-azzjoni SLAPP

Aquilina nnota li l-projbizzjoni kontra r-rikors għal kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (magħrufa wkol bħala “SLAPP”) biex tintimida l-istampa ħielsa ma ġietx indirizzata fl-Att tal-Midja u d-Difamazzjoni. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ipproponiet mozzjoni biex tipproteġi lill-ġurnalisti mill-iSLAPP. Il-gvern qal li erba’ esperti legali kienu qalu li emenda bħal din kienet tikser il-Liġi tal-UE, allegazzjoni li apparentement kienet ikkontradixxut mill-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE stess.

Drittijiet diġitali

Aquilina kritika l-fatt li ma sar l-ebda attentat biex ikunu introdotti drittijiet diġitali fil-Kostituzzjoni ta’ Malta jew fl-Att tal-Midja u d-Difamazz.

Min hu ġurnalist?

L-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi mhux kuntent bil-fatt li l-liġi l-ġdida m’għandha l-ebda dispożizzjoni għar-regolament tal-karti għall-istampa jew ir-regolament tal-professjoni ġurnalistika u hija wkoll nieqsa mid-definizzjoni statutorja ta’ min hu ġurnalist. Hu qal li barra minn hekk, l-Istitut tal-Ġurnalisti, il-Kummissjoni tal-Etika tal-Istampa u l-Kodiċi tal-Etika Ġurnalistika għandhom jingħataw rikonoxximent legali.

Hu argumenta li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta’ persuni oħra fil-midja kellhom jiddaħlu fil-liġi l-ġdida.

L-aħbarijiet foloz huma permessi

Aquilina jikkritika bl-aktar mod aħrax meta jsaqsi l-għaliex l-aħbarijiet foloz għadhom permessibbli. Hu argumenta li l-Att jabolixxi l-verità b’mod ġenerali mal-midja kollha u b’hekk jippermetti t-tixrid tal-qerq u l-ineżattezzi.

Navigating the Maltese Mediascape

Il-ktieb Navigating the Maltese Mediascape jinkludi 17-il kapitlu miktuba minn 18-il awtur. Il-ktieb maqsum fi tliet taqsimiet li jiddiskutu l-kwistjonijiet legali, psikoloġiċi u soċjali.