Il-pazjenti tal-isptarijiet kif u meta se jivvutaw?

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar numru ta’ arranġamenti fi sptarijiet lokali differenti sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jissottomettu l-vot tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali. Dan sar bi qbil mal-Kummissjoni Elettorali.

Ir-residenti li jinsabu f’Dar Boffa, fir-Residential Home, se jivvutaw fl-istess post fit-18 ta’ Mejju. Intant il-pazjenti fid-Dermatology Ward tal-isptar se jivvutaw is-Sibt 25 ta’ Mejju, fl-ibliet u l-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.

Pazjenti rikoverati fl-isptarijiet Mater Dei, SAMOC, Monte Karmeli, l-Isptar għar-Riabilitazzjoni Karen Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sas-6pm tal-20 ta’ Mejju, għalkemm id-dokument tal-vot tagħhom juri mod ieħor, se jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija nhar il-Ħamis 23 ta’ Mejju bejn is-7am u l-10pm. Dawk rikoverati fl-istess sptarijiet, iżda minn wara 6pm tal-20 ta’ Mejju, se jivvutaw fil-25 ta’ Mejju fl-ibliet u l-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument tal-vot tagħhom.

It-tabib inkarigat jindika jekk pazjent jistax joħroġ mis-sala jew le

Fi stqarrija ġie spjegat li t-tabib ikarigat mill-kura tal-pazjent se jindika fl-istorja ta’ kull pazjent jekk jistax joħroġ mis-sala biex jivvota u jekk iva, b’liema mezz ta’ trasport. Il-pazjenti se jingħataw ukoll l-għażla li jinqdew bis-servizzi li se joffri d-Dipartiment biex jiġu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni fl-isptar stess u lura, sakemm dawn ma jkunux iridu jagħmlu l-arranġamenti personali tagħhom.

Jekk pazjenti jkunu se jitwasslu mill-qraba sabiex jivvutaw, dawn iridu jitolbu għal permess bil-miktub minn qabel lill-amministratur tal-isptar li fih il-pazjenti jkunu rikoverati. Dan il-permess irid jintwera lill-uffiċjali tas-sigurtà tal-isptar sabiex l-individwu jkollu aċċess għall-isptar imbagħad lill-uffiċjal inkarigat fl-istess sptar mit-trasport tal-pazjenti. Intant il-qraba li se jiġbru lill-pazjenti qed jintalbu jagħmlu dan bejn is-siegħa u l-ħamsa ta’ waranofsinhar.

Pazjenti li joħorġu jivvutaw kontra l-parir tat-tabib, jew li ma jieħdux il-parir mogħti lilhom dwar il-mezz tat-trasport jew akkumpanjament, ikun meħtieġ li jiffirma dikjarazzjoni li qed jagħżel li jaħmel jekk fuq responsabbilità personali.

Is-servizzi tas-saħħa kif se jiffunzjonaw?

Skont l-istqarrija mill-Ministeru, fil-jum tal-votazzjoni, is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji u fiċ-ċentri tas-saħħa se jkomplu għaddejjin bħas-soltu.

Il-ħinijiet tal-viżitaturi se jinbidlu xi ftit

Minħabba li l-Ħamis, 23 ta’ Mejju 2019, ser ikun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet, il-ħinijiet tal-viżitaturi se jkun ristrett kif imsemmi hawn isfel:

Fl-Isptar Mater Dei, f’SAMOC, fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, fl-Isptar Monte Karmeli u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-ħin tal-viżitaturi se jkun ristrett għal siegħa, bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.

Is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019, il-ħin tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei u f’SAMOC ukoll se jkun ristrett għal siegħa bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.