Il-pazjent miet tort tal-privatizzazzjoni – PN

pazjent miet tort privatizzazzjoni PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-mewt tal-pazjent li rrapport dwaru Newsbook.com.mt, waslet tort tal-privatizzazzjoni li issa qed thedded ħajjet u saħħet l-Għawdxin.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li żvela Newsbook.com.mt, il-Partit Nazzjonalista fisser kif din l-istorja diġà traġika dwar mewt fiha l-ħabi minn Steward Healthcare u mill-awtoritajiet li ppruvaw jaħbu l-fatti dwar din il-mewt.

Aktar kmieni, Newsbook.com.mt irrapporta li l-ħelikopter li jintuża bħala ambulanza tal-ajru mill-kumpanija Steward Healthcare li jmexxu l-isptar ta’ Għawdex ma kienx lest biex jieħu l-pazjent b’attakk ta’ qalb minn Għawdex lejn Malta kif riedu t-tobba.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn ta’ inkjesta indipendenti anke fid-dawl li l-Gvern qed iħallas lil Steward Healthcare €1,200,000 fis-sena, meta qabel il-Gvern kien iħallas lill-Forzi Armati medja ta’ €28,000 fis-sena għall-istess servizz. Dan ġie kkalkulat peress li l-ftehim mal-armata kien ta’ €800 għal kull vjaġġ li minnhom isiru medja ta’ 35 fis-sena.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said kien l-ewwel wieħed li l-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu fis-2pm ħareġ stqarrija fuq Facebook. Huwa kiteb fejn li fl-istess ġurnata, pazjent iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex filgħodu f’kundizzjoni kritika u kien għadu ma itteħidx ma lejn l-Isptar Mater Dei għax ul-helicopter kien bil-ħsara. Jumejn wara, il-Ħadd 26 kiteb li lill-pazjent, li sa dak il-ħin kien miet ħaduh l-isptar Mater Dei fl-4.30pm. Spjega li dan kollu seħħ għax l-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem.