Il-pazjent f’Għawdex mhux bl-Ebola, it-tagħmir jasal nhar it-Tnejn

Sorsi qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qalu ma’ Newsbook.com.mt li f’Għawdex ma kien hemm l-ebda suspett ta’ Ebola f’xi pazjenti.
Żiedu jgħidu li l-każ tal-pazjent li ssemma li kien suspettat li kellu l-Ebola, kien waqa’ xi jiem ilu u ħabat rasu bil-konsegwenza li ddaħħal l-isptar b’uġigħ ta’ ras u deni. Madanakollu meta rah it-tabib irriżulta li ma kellu xejn relatat mal-Ebola u nżamm l-isptar għal aktar kura.
Infurmati wkoll li nhar it-Tnejn li ġej, fl-isptar ta’ Għawdex se jaslu l-head hoods, bħal dawk li waslu fl-Isptar Mater Dei lbieraħ.
L-istess sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, infetħet kamra ta’ iżolazzjoni għal dan filwaqt li l-impjegati qed jingħataw it-taħriġ meħtieġ. Mistennija wkoll titranġa kamra fl-emerġenza biex pazjenti suspettati bl-Ebola jiddaħħlu hemm.
Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa appella biex ma jkunx hemm "allarm frivolu" fuq każijiet serji bħal mard.