​Il-payslip tiegħek se tibda tkun aktar dettaljata

Dawk li jħaddmu se jkollhom jibdew jipprovdu payslip dettaljata lill-ħaddiema tagħhom.
Fi stqarrija l-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Gvern qed jaħdem fuq riforma fuq il-liġi tax-xogħol.
Dalli qalet li “fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma hemm it-tisħiħ tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi fost l-oħrajn tobbliga lil min iħaddem biex jistabilixxi politika ċara dwar miżuri favur il-familja.”
Min iħaddem se jkun obligat jipprovdi payslip dettaljata li tinkludu n-numru ta’ sigħat normali tax-xogħol, l-overtime, xogħol fi Ħdud u festi pubbliċi, sigħat użati għal-leave ta’ assenza jew sick leave, u spjegazzjoni dettaljata tal-bonuses u allowances. 
Se jkun hemm ukoll regoli biex jindirizzaw l-isfruttament ta’ ħaddiema imħaddma fuq bażi temporanja u se jwasslu biex kull ħaddiem jingħata l-istess paga meta jkun qed jagħmel l-istess xogħol ta’ ħaddiema impjegati direttament mill-intrapriża.
Fejn jidħol transferiment ta’ negozju, il-Ministru qalet li l-liġijiet il-ġodda se jaċċertaw li l-ebda kundizzjoni fil-kuntratt tal-ħaddiem ma tinbidel b’mod unilaterali, imma l-ħaddiema jżommu l-istess kundizzjonijiet.