Il-pattijiet għandhom jinżammu

 "Il-vittmi tal-31 ta’ Diċembru mietu biex ifakkruna li l-pattijiet għandhom jinżammu”,qal il-Kardinal Laurent Monsengwo Pasinya, Arċisċof ta’ Kinshasa, fil-Kongo, waqt quddiesa ċċelebrata fil-Katidral ta’ Notre Dame du Congo, fl-4 ta’ Jannar.
Dakinhar, ir-Republika Demokratika tal-Kongo tfakkar il-martri tal-indipendenza, u l-Arċidjoċesi ta’ Kinshasa fakkret grupp ta’ saċerdoti li kienu ordnati fl-istess jum fl-1993.
Għalhekk din kienet ċelebrazzjoni li fiha l-awguri għall-anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali saru flimkien mal-kondoljanzi għall-vittmi tar-ripressjoni brutali li seħħet waqt il-protesta li saret fil-pajjiż fl-aħħar tas-sena minn Kattoliċi lajċi biex jitolbu li l-Ftehim ta’ San Silvestru, li kien iffirmat fil-31 ta’ Diċembru tal-2016 bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali, ikun applikat fit-totalità tiegħu.
Meta waqt l-omelija, il-Kardinal Monsengwo qal li dann il-ftehim għandu jkun onorat u l-patti jinżammu, kien qed jirreferi għall-fatt li l-imsemmi ftehim ma nżammx min-naħa tal-awtoritajiet għax mhux talli ma sarux l-elezzjonijiet presidenzjali li kellhom isiru fl-2017 imma wkoll għadhom qed jinżammu numru ta’ priġunieri politiċi li suppost kellhom jinħelsu, u l-gazzetti tal-Oppożizzjoni għadhom ipprojbiti.
Numru ta’ personaġġi politiċi, rivali tal-President Joseph Kabila kienu mistiedna u attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.
Kien fl-4 ta’ Jannar tal-1959 li l-poplu tal-Kongo talab l-indipendenza u l-ħelsien mill-Belġju.
Għal din it-talba kienu ħallsu b’demmhom u minn hemm bdiet il-mixja għall-indipendenza li nkisbet fit-30 ta’ Ġunju 1960. Il-kommemorazzjoni ta’ dawn il-martri tat opportunità lill-Knisja f’Kinshasa  biex tfakkar lilhom u lil dawk il-Kattoliċi li nqatlu fil-31 ta’ Diċembru li għadda.
Waqt il-quddiesa, inżammet minuta silenzju għal dawn tal-aħħar.
“Din il-quddiesa kienet interċessjoni għall-ferħ etern għal dawk il-patrijotti li ssagrifikaw ħajjithom għall-pajjiż u ħallsu b’demmhom. Imma ejja naħsbu wkoll f’dawk li nqatlu fl-aħħar tas-sena li għaddiet”, temm jgħid il-Kardinal Monsengwo.