Il-Patrijarki u l-Knejjes ta’ Ġerusalemm jiktbu lil Trump

Il-Patrijarki u l-Kapijiet tal-Knejjes ta’ Ġerusalemm kitbu lill-President Amerikan Donald Trump wara d-deċiżjoni li ħa li jirrikonoxxi l-Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael u jittrasferixxi l-Ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal din il-Belt Qaddisa.
Fl-ittra tagħhom huma qalu li japprezzaw kemm iddedika attenzjoni għal Ġerusalemm f’dawn l-aħħar jiem, u jħossu li hu dmirhom li jiktbulu kif kienu għamlu fis-sena 2000 meta kienu kitbu lill-mexxejja li ltaqgħu f’Camp David biex jiddeċiedu l-futur ta’ Ġerusalemm.
Qalu li jittamaw li kif għamlu l-mexxejja ta’ dak iż-żmien u taw każ u kkunsidraw it-talbiet tagħhom hekk ukoll jagħmel hu llum.
Huma qalu li din l-art hi msejħa Art tal-Paċi. Ġerusalemm hi l-Belt ta Alla, belt ta’ paċi għalina u għad-dinja. Sfortunatament iżda, l-Art Imqaddsa u Ġerusalemm, illum hi art ta’ kuflitti.
“Dawk li jħobbu lil Ġerusalemm għandhom kull rieda li jaħdmu biex jagħmluha art ta’ paċi, ħajja u dinjità għal min jgħix fiha.
It-talb ta’ dawk kollha li jemmnu u jgħixu fiha – it-tliet reliġjonijiet u ż-żewġ popli li jappartjenu lil din il-belt – iduru lejn Alla u jitolbu għall-paċi, kif jgħid is-Salmista: Ejja lura Alla li tista’ kollox! Ħares mis-sema u ara!” Ispira lill-mexxejja tagħna u imla moħhom u qlubhom bil-ġustizzja u l-paċi.
“Sur President, aħna qed insegwu bi tħassib ir-rapporti dwar il-possibbiltà li l-Istati Uniti tibdel il-fehma tagħha dwar l-istatus ta’ Ġerusalemm. Aħna ċerti li dawn il-passi se jżidu l-mibegħda, il-kunflitti, il-vjolenza u t-tbatija f’Ġerusalemm u l-Art Imqaddsa u jbegħduna mill-mira tagħna li jkun hawn l-għaqda u jeħduna lejn diviżjoni distruttiva. Għalhekk nitolbuk, Sur President li tgħinha nimxu lejn aktar imħabba u paċi dejjiema u timla moħħna u qlubna bil-ġustizzja u l-paċi li ma jistgħux jintlaħqu jekk Ġerusalemm ma’ tkunx ta’ kullħadd.
“Il-parir u t-talba tagħna huma li l-Istati Uniti tibqa’ tirrikonoxxi l-istatus internazzjonali preżenti ta’ Ġerusalemm. Kull tibdil mgħaġġel jagħmel ħsara irreparabbli. Aħna kunfidenti li bl-appoġġ tal-ħbieb tagħna, Lhud u Palestinjani  tista’ tkun negozjata paċi ġusta u sostenibbli u dan ikun ta’ benefiċċju għal dawk li jixtiequ li l-Belt Qaddisa ta’ Ġerusalemm tibqa’ taqdi l-funzjoni tagħha. Il-Belt Imqaddsa tista’ titgawda minn kulħadd jekk ikun hemm proċess politiku li jgħin jeħles il-qlub tal-popli kollha li jgħixu fiha, mill-kunflitti u t-tkussir li qed jesperjenzaw bħalissa.
Dalwaqt wasal il-Milied. Din hi festa ta’ paċi. L-Anġli kantaw fis-sema tagħha: “Glorja l’Alla fl-għoli u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. F’dan il-Milied nitolbu biex Ġerusalemm ma tkunx imċaħħda mill-paċi.
Għalhekk nitolbuk, Sur President li tgħinha nisimgħu din l-għanja tal-Anġli. Bħala Mexxejja Nsara ta’ Ġerusalemm, nistednuk timxi magħna bit-tama li nibnu paċi ġusta u nklussiva għall-poplu kollha ta’ din il-Belt Qaddisa unika”, temmew jgħidu fl-ittra tagħhom.