Il-Patrijarka tal-Babilonja jitlob għall-paċi fl-Iraq

Forzi Iraqini ta’ kontra t-terroriżmu, quddiem l-Anbaxxata Amerikana f’Baghdad (AFP or licensors)

Wara l-ħbit tal-Forzi Amerikani fuq Baghdad nhar il-Ġimgħa li għadda li fih inqatel il-Ġeneral Iranjan Soleimani, il-Patrikjarka Kattoliku tal-Babilonja, għamel appell qawwi biex il-partijiet kollha involuti f’dan il-kunflitt, jersqu mal-mejda tan-negozjati.

Il-Patrijarka Louis Rafaël Sako, għamel dan l-appell hekk kif kemm f’Bagħdad kif ukoll Teheran bdew protesti kbar kontra l-Amerika, wara dan il-qtil.

Jum ta’ tensjoni

L-appell tal-Patrikjarka Sako sar wara jum li fih eluf ta’ persuni niżlu fit-toroq tal-Iraq jipprotestaw għall-qtil tal-Ġeneral Soleimani u jgħajjtu slogans kontra l-Amerika.  X’ħin qorob il-lejl, rocket niżel fiż-“Żona l-Ħadra” ta’ Baghdad, qrib l-ambaxxata Amerikana. Rocket ieħor niżel fil-belt ta’ Jadriya li tinsab fil-qrib u tnejn oħra kienu diretti lejn il-bażi tal-ajru f’Balad.

Stqarrija tal-militar Iraqi qalet li ħadd ma nqatel f’dawn l-attakki u ħadd ma ħa responsabbiltà għalihom.

Fi tweet li għamel nhar is-Sibt li għadda, il-President Amerikan Donald Trump wissa’ lill-Iran li l-Amerikani kienu għażlu 52 sit li se jkunu attakkati malajr u b’qilla kbira jekk l-Iran jattakka assi Amerikani jew xi Amerikani nfushom. Hu qal li n-numru 52 hu simbolu tat’52 ostaġġ Amerikan li kienu nħatfu mill-Iran bejn l-1979 u l-1981.

Appell għad-djalogu

Fl-appell tiegħu il-Patrikjarka Kattoliku qal li “il-poplu Iraqi hu xxukkjat bl-attakk tal-ġimgħa li għaddiet. Mhux sew li pajjiżna sar post fejn jitħallsu l-kontijiet tal-oħrajn flok ma hu pajjiż sovran.  Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni delikata u perikoluża, nappella lill-partijiet kollha involuti fit-tilwima biex jimmoderaw fi kliemhom u l-azzjonijiet tagħhom, juru għaqal u jkunu responsabbli, jiddjalogaw u jfittxu ftehim biex nevitaw konsegwenzi li ħadd ma’ jista’ jimmaġina.”

“Ejjew nerfgħu qluba lejn Alla li jista’ kollox u nitolbuh jagħti lill-Iraq u lil dan ir-reġjun ħajja fil-paċi, ħajja stabbli, ħajja normali kif ilkoll nixtiequ”, appella l-Kardinal.

Ilkoll ninħtieġu l-paċi

Sadattant, l-Isqof Awżiljarju tal-Patrijarkat ta’ Babiloja, Mons. Shlemon Warduni, qal f’intervistga ma’ Vatican News li gwerra oħra fl-Iraq tkun xi ħaġa terribbli għall-popolazzjoni kollha u għall-komunità nisranija għax dejjem huma ż-żgħar li jbatu l-konsegwenzi tal-kunflitti armati.

Il-Papa Franġisku, il-bieraħ għamel tweet fejn talab għall-paċi u qal: “Għandna nemmnu li hemm oħrajn li jixtiequ l-paċi kif nixtiequ aħna. Mhux se jkollna paċi jekk ma nixtiequhiex. Ejja nitolbu l-Alla għar-rigal tal-paċi!”