Il-Patrijarka Bartolomew I se jkun fl-Eġittu għaż-żjara tal-Papa

Il-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, Bartolomew I, se jkun fil-Kajr bejn it-28 u d-29 ta’ dan ix-xahar, meta Papa Franġisku jkun qed iżur dan il-pajjiż.  Il-Patrijarka kien misieden mill-Imam tal-Moskea ta’ Al Azhar. Cheikh Ahmed Mohamed el-Tayyib.
 
Din se tkun preżenza important li turi l-għaqda fost l-insara u sinjal għall-paċi fid-dinja f’dan iż-żmien diffiċli fejn qed jonfħu l-irjieħ tal-gwerra.  Il-Papa u l-Patrijarka ta’ Kostantinopli  se jkun qrib il-Papa tal-Knisja Kopta, Towadros, li l-komunita’ kristjana tiegħu intlaqtet b’mod qawwi minn attakki tal-fundamentalisti.
 
Il-Patrijarka kien mistieden jipparteċipa fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi li se tkun indirizzata kemm mill-Papa Franġisku kif ukoll mill-Imam el-Tayyib..  Hu kien semma’ l-possibbilta’ li jmur l-Eġittu u tkellem dwar ittra miktub minn id il-Papa li fiha rringrazzjah għall-ħbiberija tiegħu fejn wera li jerġgħu jiltaqgħu ma jdumux.
  
Sorsi qrib il-Patrijarkat ta’ Kostantinopli ikkonfermaw li ttieħdet id-deċiżjoni li din l-istedina lill-Patrijarka tkun aċċettata u li Bartilmew I se jkun l-Eġittu waqt iż-żjara ta’ Papa Franġisku. Il-ħbiberija bejn l-Isqof ta’ Ruma u dak ta’ Kostantinopli dejjem kienet qawwija. Fl-2014 kienu marru flimkien fl-Art Imqaddsa u talbu flimkien fis-Santu Sepurklu.
 
Ftit jiem wara l-Papa kien stieden lill-Patrijarka fil-ġonna tal-Vatikan waqt talb għall-paċi fir-reġjun.  F’Novembru tal-istess sena il-Papa Franġisku żar it-Turkija u ħa sehem f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi ta’ Sasnt’Andrija fil-knisja patrijarkali ta’ Fanar.
 
F’April 2016 Il-Patrijarka Bartolomew I, stieden lill-Papa Franġisku għal żjara qasira fil-gżira Griega ta’ Lesbos, fejn hemm kamp kbir tar-reguġjati.  Dan kien l-ewwel vjaġġ ekumeniku ta’ Papa Franġisku.
  
Il-preżenza flimkien tal-Papa u l-Patrijarka Ortodoss fil-laqgħa għall-paċi li se ssir fl-Universita’ tas-Sunni, ftit jiem biss wara l-attakki mdemmija  ta’ Ħamis ix-Xirka fuq il-Kopti fl-Eġittu hi sinjal qawwi ta’ għaqda u viċinanza fost il-Kristjani ta’ diversi denominazzjonijiet u turi wkoll ix-xewqa għad-djalogu flimkien mal-Musulmani li jopponu l-vjolenza u ma jiġġustifikawx it-terroriżmu u l-massakri f’isem ir-reliġjon.