Il-Patri li għamilha ta’ deffien, tabib u plumber

Damien kien qed iferra’ l-misħun jagħli. F’ħin minnhom waqqa’ ftit minnu fuq saqajh … u ma ħass xejn. Kien l-ewwel sinjal li xi ħaġa ma kenitx sew. Sinjal li kien ittieħed mil-lebbra.

Patri Damien (ismu propju kien Jozef De Veuster), patri Belġjan, kien ilu 11-il sena jgħix fil-gżira ta’ Molokaj (parti minn Hawaii) fost il-lebbrużi li l-gvern kien inturufnahom fuq gżira.

Darba waħda, biex iżur parroċċa minnhom, kellu juża dgħajsa li f’ħin minnhom inqalbet u ġie attakkat mix-xarks. Meta rnexxielu jasal fuq ix-xtajta nduna li hu kien wasal qawwi u sħiħ, imma l-brevjar kien ixxarrab u tqatta’. Meta fl-1873 kien tela’ fuq vapur mimli lebbrużi biex imur Molokaj, Damien kien qed iġorr biss qmis u dak il-brevjar għażiż u mqatta’ tiegħu, li baqa’ jġorru miegħu sal-mewt.

L-uniku kuntatt li n-nies ta’ Molokaj kellhom mal-bqija tad-dinja kien vapur li kull xahar kien iwasslilhom provvista ta’ ikel, u li kien iħallihielhom fil-baħar, bogħod mix-xtajta. Tista’ timmaġina kif kienu jħossuhom dawk it-800 lebbruż, abbandunati minn kulħadd. Dak iż-żmien Hawaii kienet differenti ħafna mil-lum!

Damien ma kienx iħalli l-awtoritajiet bi kwiethom; il-ħin kollu jitlobhom injam, ilma u mediċini għal-lebbrużi. Meta ma kinux jibagħtuhomlu kien jaqbad u jidħol fl-uffiċini tal-gvern, avolja kienu jhedduh bil-ħabs għax ma kienx permess li l-abitanti ta’ Molokaj jitilqu mill-gżira.

Darba kiteb lil ħuh: “Nagħmel lili nnifsi lebbruż, biex nirbaħ lil kulħadd għal Kristu”. Kellu jagħmilha wkoll ta’ deffien, tabib (għamel ħafna amputazzjonijiet), mastrudaxxa, plumber, infermier u bidwi.

Ċertament li Damien ma kienx jiddejjaq iċappas idu bir-riħa tal-merħla tiegħu, avolja għall-bidu ma kienx jista’ jissaporti r-riħa tinten tal-feriti. Tant tħallat mal-lebbrużi li kien jaqsam magħhom anki l-pipa, il-kikkra u l-platti tiegħu. U ftit ftit qasam magħhom anki l-marda li kellhom.

“Il-marda attakkat lili,” darba kiteb lil ħuh, “imma ninsab kalm, irrassenjat u kuntent ħafna qalb in-nies tiegħi. Kuljum ngħid minn qalbi: Ikun li trid int!”

Fr Damien miet fil-15 ta’ April 1889. It-tifkira tiegħu ssir fl-10 ta’ Mejju (l-għada ta’ San Ġorġ Preca).

Kull sena madwar id-dinja jitfaċċaw mal-200,000 każ ġdid tal-lebbra. Jum il-Lebbrużi jiġi ċċelebrat f’Jannar.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.