Il-‘patri’ b’erba’ saqajn

Ritratt: Kasper Mariusz Kaproń Ofm

Fil-monasteru Franġiskan f’Cochabamba fil-Bolivja għadu kif daħal il-‘patri’ Fra Bigoton. Fra Bigoton għandu erba’ saqajn għax hu kelb tar-razza schnauzer li nstab jiġġerra fit-toroq tar-raħal. Għall-ewwel ingħata l-isem ta’ Carmelo imma meta daħħluh ‘patri’ ħa l-isem ġdid tiegħu li jfisser “Patri bil-Mustaċċi”.

Ritratt: Kasper Mariusz Kaproń Ofm

Biex aktar iħossu parti mill-komunità tal-patrijiet fasslulu wkoll ċoqqa li l-kelb, ferħan ferħan, il-ħin kollu jdur liebes biha, jiskopri kull parti tal-kunvent. Mhux l-ewwel darba rawh iħares lejn l-għadira li hemm fil-post mimlija ħut tal-ilma ħelu, bħallikieku kien qed ikellimhom bħalma San Franġisk kien jagħmel.

Il-ħajja tal-kelb inbidlet bil-għajnuna ta’ organizzazzjoni lokali, il-Proyeto Narices Frias li tieħu ħsieb l-annimali abbandunati. L-organizzazzjoni kitbet fuq Facebook li jekk kull knisja fil-pajjiż tadotta kelb u tieħu ħsiebu bħal Fra Bigoton ikun hemm aktar nies li jagħmlu bħalhom u jagħtu ħajja diċenti lil bosta annimali.

Ritratt: Kasper Mariusz Kaproń Ofm