Il-patologi jridu li jiġu introdotti miżuri b’mod urġenti

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kulleġġ Malti tal-Patologi wissa li l-pandemija tal-coronavirus qed teskala u appella biex jiġu introdotti mill-ġdid miżuri urġenti sabiex titrażżan din l-imxija.

Fi stqarrija maħruġa llum, il-Kulleġġ innota kif Malta filli kienet il-pajjiż eżemplari ta’ suċċess fir-rigward tal-coronavirus, u filli spiċċat fuq il-lista tal-kwarantina ta’ għadd ta’ pajjiżi, li kulma jmur, dejjem qed jiżdiedu.

Il-patologi appoġġjaw l-appell li għamlet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) biex l-attivitajiet tal-massa jiġu projbiti, u dan ikun ifisser li jitħallew jiltaqgħu gruppi ta’ 10 persuni biss. Fl-istqarrija, il-patologi qalu li dan mhux il-waqt għal miżuri kożmetiċi biss, imma jeħtieġ li tittieħed azzjoni issa, qabel ma din il-mewġa ta’ infezzjonijiet twassal għal mases kbar ta’ nies l-isptar u mwiet.

Malta bħalissa għandha total ta’ 415-il każ attiv tal-coronavirus.

Huma appellaw ukoll biex id-distanza soċjali tiġi rintrodotta u nfurzata, peress li donnhom ħafna ristoranti “abbandunaw” ir-regoli. Il-Kulleġġ appella wkoll biex jintlibsu l-maskri f’postijiet pubbliċi fejn mhux possibbli li tinżamm distanza. Bħalissa, huwa obbligatorju biss li tintlibes maskra ġol-ħwienet u abbord it-trasport pubbliku u l-vapuri tal-Gozo Channel. Apparti dan, għandu jiġi inkoraġġit ix-xogħol mid-dar, skont il-Kulleġġ.

Prof. Charmaine Gauci llum qalet li ġew immultati 34 persuna talli ma kinux lebsin maskra f’postijiet bħal ħwienet.

Dwar l-anzjani u l-vulnerabbli, il-Kulleġġ tal-Patologi qal li dawn għandhom jibqgħu ġewwa peress li mingħajr vaċċin, huma vulnerabbli ħafna għall-infezzjoni issa li mistennija jiżdiedu l-każijiet fost in-nies bla sintomi. Il-patologi talbu wkoll lil dawk li qed jistennew biex isirilhom it-test biex jiżolaw ruħhom sakemm joħroġ ir-riżultat.

Apparti dan, qalu li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra għall-agħar, l-awtoritajiet ikollhom jikkunsidraw li jagħmlu t-test tal-coronavirus lin-nies kollha li jaslu Malta.

Indirizzaw lill-mexxejja politiċi u qalulhom biex ikunu umli biżżejjed biex jaċċettaw li jaf żbaljaw, imma juru serjetà billi jindirizzaw dawn l-iżbalji u jittrattaw is-sitwazzjoni b’urġenza estrema.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn