Il-patologi jgiddbu lill-PM li kien mistenni li jmutu l-eluf bil-Covid-19

Photo - CDE

Il-Kulleġġ Malti tal-Patologi (MCP) qal li l-ebda speċjalist lokali ma qal li qegħdin jistennew eluf ta’ mwiet f’Malta kawża tal-pandemija tal-Covid-19 u dan imur kontra dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela fil-jiem li għaddew.  Fi stqarrija, il-Kulleġġ qal li Alla ħares jiġri dan meta wieħed jikkunsidra li l-popolazzjoni Maltija hija dik ta’ madwar 440,000 persuna.

Żiedu li huma jinsabu diżappuntati li l-Prim Ministru l-Ħadd li għadda prova jagħti l-impressjoni li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll u li l-awtoritajiet għadhom mhux jirrealizzaw li din is-sitwazzjoni hija waħda ta’ kriżi.

 Il-Kulleġġ tal-patologi Maltin qal li l-Gvern qiegħed jassigura lin-nies li qiegħed jisma’ mill-esperti mediċi madankollu diversi professjonisti fis-settur tas-saħħa pubblika qalu li l-pariri li qegħdin jgħaddu mhux jiġu milqugħin u għalhekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta ma tinsabx taħt kontroll. Fl-istqarrija qalu li dan kollu jirriżulta wkoll f’diversi imwiet li setgħu jiġu evitati.

Min-naħa tagħhom il-kulleġġ kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela xahrejn ilu sabiex jitwaqqaf kumitat ta’ esperti li flimkien jgħaddu l-pariri tagħhom lill-awtoritajiet dwar din il-pandemija. Madankollu dan kollu waqa fuq widnejn torox.

Il-kulleġġ qal li r-restrizzjonijiet li jinsabu fis-seħħ huwa ftit wisq u ddaħħlu tard wisq. Spjegaw li unutli tagħmel l-maskri jkunu obligatorji għal barra iżda tħalli l-bars, ir-restoranti u gyms miftuħin. Dawn ir-restirizzjonjiet ilhom fi Spanja minn Lulju u issa l-każijiet pożittivi fi Spanja leħqu l-miljun.

Appellaw li aktar ma jdumu biex jiġu implimentanti miżuri li jnaqqsu t-trażmissjoni aktar se jkun hemm każijiet li jħallu riperkussjonjiet fuq persuni vulnerabbli u s-servizzi tal-isptar.