“Il-passi kontra Schembri juru kemm kellha effett is-soċjetà ċivili” – Giegold

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Sven Giegold qal li l-passi li qegħdin jittieħdu kontra Keith Schembri qed juru kemm kellha effett il-pressjoni li saret mis-soċjetà ċivili wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Giegold ħareġ stqarrija li fiha wera s-sodisfazzjon tiegħu li “fl-aħħar, xi ħaġa qed tiċċaqlaq fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’Malta.” Qal li apparti s-soċjetà ċivili, il-pubblikazzjonijiet tal-midja internazzjonali tad-Daphne Project ukoll kellhom kontribut. Semma kif delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew żaru Malta biex jagħmlu l-pressjoni biex isiru investigazzjonijiet. Brian Tonna, Karl Cini u n-Nexia BT dejjem irrifjutaw talbiet għal diskussjonijiet mal-MEPs. “Kellna raġun nippersistu,” ikkummenta Giegold.

Huwa semma kif Keith Schembri u Brian Tonna kienu ilhom allegatament involuti fil-ħasil tal-flus mindu feġġew il-Panama Papers fl-2016, iżda ma saret ebda “investigazzjoni robusta” mill-Pulizija Maltija.

L-MEP żied jgħid li minkejja l-passi li qegħdin jittieħdu, l-investigazzjoni fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma waslux fi tmiemhom. Dawk involuti kollha jridu jiġu investigati. Qal li xorta qed jiġri wisq ftit, u wisq bil-mod. Insista li billi jissolvew każijiet individwali ma tissolviex il-problema, u li Malta teħtieġ riformi istituzzjonali biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.

Giegold temm jgħid li fil-Parlament Ewropew se jibqgħu jsegwu l-iżviluppi li jsiru f’Malta u jaraw kif jistgħu jgħinu biex tissolva s-sitwazzjoni.