Il-passaport Malti jitla’ post fl-indiċi ta’ Henley and Partners

Henley & Partners

Il-passaport Malti tela’ post wieħed fl-indiċi tal-passaporti tal-kumpanija Henley and Partners (H&P). Malta issa tinsab fis-seba’ post.

L-indiċi ta’ H&P tat-tielet kwart tas-sena 2019 jinkludi 199 passaport u 227 destinazzjoni tal-ivjaġġar. H&P hija l-kumpanija li topera l-bejgħ taċ-ċittadinanza u r-residenza f’Malta.

H&P deskriviet l-indiċi tagħha bħala l-indiċi oriġinali tal-passaporti madwar id-dinja skont n-numru ta’ destinazzjonijiet li s-sidien tagħhom jistgħu jaċċessaw mingħajr visa.

Min rebaħ?

Fl-ewwel post hemm il-Ġappun u Singapore, it-tnejn b’189 punt. Fit-tieni post hemm il-Finlandja, il-Ġermanja, u il-Korea t’Isfel. Fit-tielet post hemm id-Danimarka, l-Italja, u l-Lussemburgu.

Malta tinsab waħedha fis-seba’ post b’182 punt.

L-aħħar tliet pajjiżi skont l-inċidi huma l-Afghanisan (25), l-Iraq (27), u is-Sirja (29).

Skont H&P, pajjiżi bi skemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza qed ikomplu jmorru sew fl-indiċi u qed juru konnessjoni bejn is-saħħa tal-passaport u l-progress ekonomiku u soċjali. H&P qalet li Malta mxiet mit-tmien post fil-kwart ta’ qabel għas-seba’ post. Malta tinsab post wieħed wara r-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ H&P Dr Juerg Steffen qal li programmi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment qed isiru aktar popolari. Spjega li għal investituri sinjuri, l-akkwist ta’ passaport addizzjonali li b’mod drammatiku jespandi l-mobilità globali jbiddel il-ħajja ta’ dak li jkun. Żied jgħid li għall-pajjiż bl-iskema, l-investiment dirett barrani joħloq valur sovran u soċjali.

Il-kumpanija Henley and Partners kienet ikklassifikat il-passaport Malti fid-9 post għall-bidu tal-2019.

Il-passaport Malti jinżel żewġ postijiet fil-klassifika ta’ H&P

Skont H&P, l-aħħar riżultat tal-Ġappun u Singapore jimmarka l-qofol ta’ perjodu ta’ 18-il xahar li fih iż-żewġ pajjiżi kienu jinsabu fuq quddiem. Dan wara li neħħew lill-Ġermanja mill-ewwel post fil-bidu tal-2018.

Iċ-Chairperson ta’ H&P Dr Christian H. Kaelin qal li bi ftit eċċezzjonijiet notevoli, l-aħħar indiċi ta’ H&P turi li pajjiżi madwar id-dinja qed jaraw il-“visa openness” bħala kruċjali għas-suċċess ekonomiku u soċjali. Żied jgħid li l-aħħar riċerka turi li ż-żieda fis-saħħa tal-passaporti u l-benefiċċju tal-mobilità huma ta’ benefiċċju għall-komunità globali sħiħa u mhux biss għall-pajjiżi li l-aktar għandhom saħħa.

Skont The Shift News, Henley and Partners kienu qalu li huma jfittxu biss lill-ġurnalisti Maltin meta jirċievu permess mill-gvern. Il-kumpanija kienet heddet li tiftaħ każijiet internazzjonali kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u kontra The Shift News.

Henley & Partners ipoġġu Malta fl-ewwel post f’rapport maħruġ minnhom stess