Il-partiti tal-oppożizzjoni fl-Italja jinjoraw ir-regoli ta’ distanza soċjali matul protesta f’Ruma

Il-mexxejja tal-partit lemini fl-Italja, Antonio Tajani, Matteo Salvini u Giorgia Meloni, lebsin maskli protettivi bil-bandiera Taljana filwaqt li jippużaw għal ritratt meta kienu qed imexxu protesta kontra l-gvern tal-Prim Ministru Giuseppe Conte, wara t-tifqigħa tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) fil-pajjiż f’Ruma, l-Italja 2 ta’ Ġunju, 2020. REUTERS/Remo Casilli

Read in English.

Il-partiti tal-oppożizzjoni fl-Italja u mijiet ta’ dimostraturi sfidaw ir-regoli ta’ distanza soċjali nhar it-Tlieta meta ffullaw fit-toroq ċentrali ta’ Ruma matul protesta kontra l-gvern.

B’aktar minn 233,000 każ ikkonfermat, l-Italja hija wieħed mill-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija tal-coronavirus, u kien biss f’dawn l-aħħar ġranet li l-gvern iddeċieda li jibda jirrilassa bil-mod ir-restrizzjonijiet drakonjani li kien impona fil-bidu ta’ Marzu sabiex tiġi kkontrollata l-epidemija. 

Id-dimostrazzjoni kienet organizzata mil-Lega tal-Lemin, il-partit lemini estrem “Brothers of Italy” u l-partit ċentru lemini “Go Italy” biex jipprotestaw kontra l-koalizzjoni tal-gvern immexxija mill-Prim Ministru Giuseppe Conte.

Xandir live fuq il-midja soċjali wera lil protestanti jimmarċjaw ħdejn xulxin b’bandiera Taljana kbira tul Via del Corso, li twassal għal Piazza del Popolo fiċ-ċentru storiku ta’ Ruma. 

Uħud mid-dimostranti ma kienux lebsin maskli tal-wiċċ, li huma obbligatorji fl-Italja f’sitwazzjonijiet fejn mhux possibbli jkun hemm biżżejjed distanza soċjali bejn il-persuni.

Il-mexxej tal-Lega, Matteo Salvini ħa stessi mal-partitarji u diversi ritratti juru li żamm il-maskla, bil-kuluri tal-bandiera Taljana, taħt geddumu meta tkellem ma’ ġurnalisti.

“Għandi maskla, imma l-esperti qed jgħidu li l-virus qed imut,” qal Salvini b’referenza għad-dikjarazzjonijiet ta’ professuri Taljani li qalu li l-virus qed jitlef il-qawwa tiegħu.

Id-dimostrazzjoni ġiet organizzata biex taħbat maċ-ċelebrazzjonijiet tat-2 ta’ Ġunju, festa pubblika fl-Italja biex tfakkar il-votazzjoni favur il-ħolqien ta’ Repubblika wara t-Tieni Gwerra Dinjija. 

Il-protesta tal-oppożizzjoni seħħet meta l-Kap tal-Istat, Sergio Mattarella żar Codogno, belt żgħira fit-tramuntana tal-Italja fejn kien ġie rrappurtat l-ewwel każ tal-coronavirus fil-pajjiż u s-simbolu tal-emerġenza li s’issa qerdet il-ħajja ta’ 33,500 persuna. 

“(Illum) qed niċċelebraw dak li jgħaqqad il-pajjiżna: il-qawwa morali. Aħna rridu nerġgħu nibdew minn dan il-punt,” qal Mattarella.

Salvini faħħar is-sejħa biex it-Taljani jibqgħu magħquda wara l-kriżi tal-coronavirus, imma qal li l-gvern ma kienx qed jisma t-talbiet imressqa mill-oppożizzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn