Il-partiti qed jużaw il-midja biex jintimidaw l-attivisti – Repubblika

Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qed jużaw it-televiżjoni u l-mezzi tal-midja tagħhom biex jintimidaw attivisti mis-soċjetà ċivili, skont l-għaqda Repubblika.

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li ż-żewġ partiti l-kbar qed joħonqu l-espressjoni ħielsa u jgħaffġu d-dritt tal-protesta. Qalet li tinsab imħassba dwar dak li ddeskriviet bħala “gideb jew tgħawwiġ tal-fatti” biex jiskreditaw u jintimidaw attivisti.

Repubblika qalet li tinsisti li l-istat għandu d-dmir iħares il-ħelsien tal-assoċjazzjoni, id-dritt ta’ ċittadini li jesprimu rwieħhom mingħajr l-intervent tal-istat, id-dritt tal-kelma ħielsa, id-dritt ta’ gruppi differenti li jikkoperaw bejniethom, id-dritt li n-nies jinġabru f’postijiet pubbliċi biex tipprotesta, u d-dritt li attivisti jfittxu u jużaw riżorsi ta’ min irid jappoġġjahom anke b’mod anonimu.

L-għaqda temmet tgħid li għandha tama li s-soċjeta’ ċivili jkollha leħen fis-soċjetà.