Il-Partiti politiċi lura f’dibattitu ieħor tal-Awtorità tax-Xandir

Għat-tieni dibattitu organizzat mill-Awtorità tax-Xandir, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bit-tema; Malta aħjar, b’xogħol u opportunitajiet għal kulħadd.
Fetħet id-dibattitu l-kandidata u Memebru Ewroparlamentari f’isem il-PN, Roberta Metsola fejn qalet li l-vantaġġi li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea mmissuhom b’idejna ta’ kuljum. Qalet li l-Gvern Laburista ħela sena u nofs u ma qalx kif se jinvesti l-flus li ġew allokati mill-Unjoni Ewropea. Qalet li dak li hemm bħalissa, huwa biss kontinwazzjoni ta’ li hemm mill-Gvern preċedenti. Insistiet li l-Gvern ħela sena anke fis-settur tas-saħħa u l-anzjani meta l-Prim Ministru ħeba r-riżenja tas-Segretarju Parlamentari għall-anzjani.
Għall-Partit Laburista tkellmet l-ewwel il-Kandidata Flear Vella li qalet li l-Partit Laburista qed iwettaq dak li l-PN qal li huwa impossibbli. Semmiet l-impjiegi li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla fl-Unjoni Ewropea u d-dejn li mistenni jonqos.
Arnold Cassola, f’isem l-Alternattiva Demokratika staqsa kemm verament qed tiġi rispettata l-meritokrazija. Staqsa ukoll jekk il-poplu għandux aċċess għall-opportunitajiet daqs ħaddieħor. Fakkar kif Malta huwa l-għaxar l-aktar pajjiż nieqes mill-ilma fid-dinja. Cassola qal li fl-ewwel sena, l-enerġija pożittiva, il-Prim Ministru investiha biex joffri xogħol il-membri parlamentari biex ma jiġrix bħal ma’ ġara ma’ Franco Debono bil-Partit Nazzjonalista.
Kompla t-tieni rawnd tad-dibattitu permezz tal-Kandidat għall-PN Norman Vella u beda billi semma l-qagħad li qed jiżdied b’mod speċjali f’Għawdex. Fakkar it-transfers vendikattivi u l-impjieg lil dawk li huma tal-qalba fi ħdan il-Partit Laburista.
Għall-Partit Laburista tkellem ukoll Charlon Gauder li qal kif ma jistax jifhem il-kritika tal-Partit Nazzjonalista. Semma t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea għas-sentejn li ġejjin, li tirrikonoxxi r-riżultati tal-Gvern Laburista. Saħaq li l-Gvern ma wasalx imma qabad it-triq it-tajba.
Fit-tieni intervent tiegħu, il-Professur Arnold Cassola staqsa jekk il-progress ekonomiku hux qed jasal għand iċ-ċittadini Maltin. Insista li hemm bżonn li l-poplu kollu jkollu aċċess għall-kosta u l-kampanja Maltija.
Flear Vella rrispondiet għar-rimarki tal-Professur Cassola billi fakkret id-diversi inizjattivi biex il-Gvern jipprovdi iktar flus fl-idejn.
Roberta Metsola saħqet li minflok provda x-xogħol lil Għawdxin, għamel prority boarding, li minflok investa għall-kummerċ, ta eluf kbar lil tal-qalba. Insistiet li r-rappreżentanti f’isem il-Partit Nazzjonalista għandhom ix-xogħol u s-saħħa għal qalbhom.
Charlon Gauder, fir-rimarki tiegħu qal ukoll li fl-aħħar disa’ xhur ta’ Gvern Nazzjonalista, il-PN f’Għawdex ħoloq 10 impjiegi biss. “Magħna, taf fejn qiegħed”, ikkonkluda Gauder.
Fl-għeluq tad-dibattitu, Norman Vella qal li l-Gvern qed juri li malli jiġi dahru mal-ħajt, jerġa’ jibda l-kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn. Saħaq li l-Prim Ministru qed jaqta’ iz-zigarelli ta’ proġetti li nndew mill-Gvern Nazzjonalista.