Aġġornata: “Id-dimostrazzjoni t’għada mhijiex marbuta ma’ partiti politiċi”

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qalet li d-dimostrazzjoni nazzjonali li se ssir għada, fid-daħla tal-Belt Valletta, mhijiex se tkun waħda partiġġjana, minkejja l-fatt li għadd ta’ partiti politiċi ħabbru li se jattendu.
Fi stqarrija, in-netwerk avżat li bnadar ta’ partiġġjani jew ta’ partiti politiċi huma projbiti, u qalet li l-mexxejja tal-partiti politiċi u l-Membri Parlamentari mhumiex se jitħallew jimxu quddiem il-folla, li se titmexxa mill-kelliema u l-voluntiera tas-soċjetà ċivili. 
Dan hekk kif il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li se jattendu d-dimostrazzjoni bit-tema Ġustizzja, b’sejħa għall-ġustizzja wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-PL appella għall-għaqda fost il-poplu, sabiex id-dimostrazzjoni kontra l-att barbaru ta’ nhar it-Tnejn ma tkunx waħda partiġjana.
Anke l-PN se jingħaqad mas-soċjetà ċivili u mal-poplu Malti u Għawdxi, u nhar il-Ħadd se jieħu sehem fid-dimostrazzjoni nazzjonali organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili.
L-Alternattiva Demokratika ikkonfermat li se tipparteċipa wkoll. Fi stqarrija, il-partit sostna li dan l-att barbaru għandu jsaħħaħ il-fehma tal-Maltin kollha favur il-bżonn ta’ istituzzjonijiet tal-istat bħala tarka b’saħħita tal-valur tal-espressjoni ħielsa u l-ħarsien tal-liġi. L-AD insistiet fuq riformi urġenti u mill-qiegħ ta' dawn l-istituzzjonijiet flimkien ma’ riformi kostituzzjonali tant meħtieġa f’pajjiżna.  
L-SDM, Aditus, l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-General Workers' Union ilkoll ħabbru li se jissieħbu ma’ għadd ta’ organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili Maltija u jipprotestaw favur ġustizzja xierqa fil-pajjiż. 
In-netwerk qed jinkuraġġixxi lill-pubbliku, l-għaqdiet mhux governattivi kollha, il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili biex jattendu d-dimostrazzjoni u jġibu magħhom bnadar ta' Malta.

Ritratt: Ian Noel Pace