Il-partitarji ta’ United spiċċaw jgħajru lit-tim tagħhom stess

Il-partitarji ta’ Manchester United spiċċaw jgħajru lit-tim meta raw li Burnley se jiksbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-Premier League ġewwa Old Trafford. Burnley marru fuq quddiem ftit minuti qabel spiċċat l-ewwel taqsima meta Chris Wood xxuttja l-ballun fil-lasta minn barra l-kaxxa l-kbira.

Rodriguez irdoppja l-vantaġġ meta lagħab il-ballun ma’ Wood qabel ma fajjar xutt fil-lasta min-naħa tax-xellug taż-żona fejn jingħata l-penalty.

Dan kien it-tielet staġun ta’ Burnley li rnexxielhom jmorru 2-0 minn quddiem ġewwa Old Trafford, iżda kien l-ewwel darba li rnexxielhom jiksbu t-tliet punti. United li kienu wkoll mingħajd Marcus Rashford li hu mweġġa’, naqsu milli jattakkaw b’mod perikoluż.

Il-partitarji bdew imaqdru lit-tim kemm fi tmiem l-ewwel taqsima kif ukoll fl-aħħar tal-logħba, b’bosta jitilqu mill-grawnd ħames minuti qbel spiċċat il-logħba.

It-tim ta’ Ole Gunnar Solskajer baqgħu sitt punti taħt Chelsea, filwaqt li Burnley telgħu fit-13-il post, seba’ punti bogħod miż-żona ta’ relegazzjoni.

Riżultati oħra:

Leicester City 4-1 West Ham United

Tottenham Hotspur 2-1 Norwich City