LIVE: Jinġabru l-partitarji favur Delia f'Tal-Pietà
Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, July 9, 2020
Għadd ta’ partitarji Nazzjonalisti li jappoġġjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nġabru quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà llejla biex juruh l-appoġġ tagħhom.
Wara li din il-ġimgħa, 19-il membru parlamentari ressaq vot ta’ sfiduċja f’Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-11-il persuna li vvutat favurih, Delia qed jaffaċċja ċ-ċans li jitneħħa mill-President George Vella mill-kariga tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia tressqet minn Chris Said u ġiet sekondata minn Therese Comodini Cachia. Wara dan ir-riżultat, Delia insista li huwa beħsiebu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, għaliex it-tesserati eleġġew lilu.
Madankollu, illum, il-Membri Parlamentari Chris Said u Claudette Buttigieg marru għand il-President George Vella sabiex dan ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, u minfloku jaħtar lil Therese Comodini Cachia.
Wara din il-laqgħa, Delia stess attenda laqgħa ta’ madwar siegħa mal-President. Kien hu stess li talab li ssir din il-laqgħa. Wara l-laqgħa ma’ Delia, għadd ta’ Membri Parlamentari marru l-Palazz ta’ Sant’Anton biex jitkellmu mal-President fuq is-sitwazzjoni.
Quddiem id-Dar Ċentrali hemm madwar 50 persuna biex juru l-appoġġ tagħhom lil Delia.
Filmat: Monique Agius