Il-Partit ta’ Erdogan joġġezzjona għar-riżultat miksub fl-elezzjoni ta’ Istanbul

A man waves a Turkish flag with a portrait of modern Turkey's founder Mustafa Kemal Ataturk as he visits Anitkabir, the mausoleum of Ataturk, in Ankara, Turkey, April 2, 2019. REUTERS/Umit Bektas

Il-Partit Tork, l-AKP, li minnu ġej il-President Tork Recep Tayyip Erdogan, oġġezzjona b’mod formali għar-riżultat miksub fl-elezzjoni lokali ta’ Istanbul li saret il-Ħadd li għadda wara li l-kandidat tal-Oppożizzjoni rebaħ l-elezzjoni.

L-AKP oġġezzjona formalment għar-riżultat fid-39 distrett f’Istanbul.

Kemm il-kandidat tal-Partit tar-Repubblikani (CHP) Ekrem Imamoglu, kif ukoll ir-rivali tiegħu mill-AKP, l-eks prim ministru Tork Binali Yildirim qalu li rebħu l-elezzjoni f’Istanbul. Iżda t-Tnejn, Imamoglu qal li huwa rebaħ b’madwar 25,000 vot.

Il-popolazzjoni ta’ Istanbul hi ta’ madwar 15-il miljun.

L-AKP kien diġà ħabbar li se jkun qed joġġezzjona formalment għar-riżultat u qal li kien hemm xi irregolaritajiet fil-voti.

Imamoglu qal li jinsab iddispjaċut li l-AKP naqas milli jirrikonoxxi r-rebħa tiegħu hekk kif il-Kummissjoni Għolja tal-Elezzjonijiet fit-Turkija qalet li kien propju Imamoglu li qiegħed fuq quddiem tat-tiġrija elettorali.