Awdjo: Ħidma mill-PPE bil-għan li jiżdied in-numru ta’ voti fl-Elezzjonijiet Ewropej

F’Marzu li ġej il-Partit Popolari Ewropew mistenni jaħtar kandidat minn fost dawk li qegħdin  jikkontestaw l-Elezzjonijiet Parlamentari ta’ Mejju li ġej sabiex iżur il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jwassal il-messaġġ tal-istess Partit lill-votanti eliġibbli fl-istess Elezzjonijiet.

Dan tħabbar mill-kelliem għall-midja tal-Partit Popolari Ewropew Kostas Sasmatzoglou f’kummenti esklussivi ma’ newsbook.com.mt. Ċifri juru li matul l-aħħar snin, in-numru ta’ votanti li ħarġu jivvotaw fl-Elezzjonijiet Parlamentari kien wieħed baxx tant li fl-2009 it-turnout madwar l-Ewropa kien l-inqas wieħed fl-istorja b’ perċentwal ta’ 43% ta’ dawk eliġibbli, joħorġu jivvotaw. L-istess ċifri jindikaw ukoll li mill-1979 sal-aħħar elezzjoni fl-2009, in-numru ta’ voti mitfugħa baqa jonqos f’kull elezzjoni .

Mistoqsi mill-ġurnalista Stefan Pullicino minn Brussell, dwar jekk teżistix xi strateġija bil-għan li jogħla t-‘turnout’ ta’ voti fl-elezzjonjiet tal-2014, Sasmatzoglou qal li l-idea li l-Partiti jkollhom dak li qed jissejjaħ kandidat presidenzjali għandha l-għan proprju li jiġi ġġenerat l-interess fost il-votanti waqt li jkunu iżjed informati dwar il-ħidma tal-partiti fil-Parlament Ewropew u jitwassal il-messaġġ fil-pajjiżi kollha Ewropej. Huwa qal iżda li minkejja li jinsab ċert li din l-idea se toħloq l-interess, wieħed irid jara jekk dan l-istess interess jissarrafx f’iktar voti.

Kostas Sasmatzoglou qal ukoll li ladarba il-kandidat presidenzjali tal-PPE jintgħażel f’Marzu li ġej, se jkun qed iżur Malta bħala parti minn sensiela ta’ żjarat fil-pajjiżi membri kollha tal-UE qabel l-elezzjoni parlamentari tal-24 ta’ Mejju li ġej.