Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-ħatra ta’ Josef Caruana f’Kastilja

Il-Partit Nazzjonalista wera l-għadab tiegħu għall-ħatra tal-editur tal-Orizzont, Josef Caruana f'kariga fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f'Kastilja.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din il-mossa, hija konferma ta' kemm Joseph Muscat jiżra l-firda fost il-poplu Malti u Għawdxi, u li l-kliem kollu dwar għaqda nazzjonali hu biss paroli għal quddiem il-kameras.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li bl-editorjali tiegħu fl-aħħar xhur – attakki feroċi kontra l-Partit Nazzjonalista, il-ġurnalisti, il-Knisja u kull min jazzarda jesprimi opinjoni f'dan il-pajjiż – l-editur tal-Orizzont żera' firda kbira fil-poplu Malti u Għawdxi. 
L-istqarrija tkompli tgħid li issa, Joseph Muscat wera kemm dawn l-editorjali kellhom l-appoġġ totali tiegħu għax qed jippremja l-editur tal-Orizzont b'impjieg f'Kastilja flok jikkundanna l-aġir tiegħu u jiddiżassoċja ruħu minnu.