Il-Partit Nazzjonalista għadu ma qatax qalbu fuq iż-Żonqor – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista għadu ma qatax qalbu u se jkompli l-ġlieda biex l-art ODZ fiż-Żonqor ma tingħatax lill-privat.
Simon Busuttil kien qed jitkellem waqt l-għeluq tal-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema Idea Ambjent, meta saħaq li l-kwistjoni taż-Żonqor għadu mhux kapitlu magħluq.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru ddeċieda li jirrovina parti iżgħar mill-art ODZ fiż-Żonqor imma dan xorta mhux biżżejjed.
Simon Busuttil żied li fl-2016, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti kontra t-tanker tal-gass li l-Gvern irid jankra b’mod permanenti f’Delimara u li l-partit se jkun hemm għar-residenti ta’ Marsaxlokk, Wied il-Għajn u Birżebbuġa.
Dwar il-possibilità ta’ reshuffle fil-Kabinett, Simon Busuttil qal li dan huwa mod kif il-Prim Ministru qed jipprova jdawwar l-attenzjoni minn fuq l-iskandli tiegħu stess.
Saħaq li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ma għandux jingħata responsabbilitajiet oħra, iżda għandu jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu.
Simon Busuttil qal li Partit Nazzjonalista mhux talli mhux se jitlef voti jekk ikun favur l-ambjent, imma talli jista’ jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Hu qal li floating voters, dawk li ma jivvutawx imma anke Laburisti jafu li dak li qed jgħid huwa għall-ġid tal-pajjiż. 

Reazzjoni Partit Laburista:
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Simon Busuttil huwa negattiv u garanzija ta’ aktar tniġġiż u kontijiet ogħla.