Il-PN b’amministrazzjoni ġdida sal-aħħar ta’ Novembru

L-uffiċjali l-ġodda kollha tal-Partit Nazzjonalista se jkunu eletti kollha sat-23 ta’ Novembru li ġej.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jkollu amministrazzjoni ġdida sal-aħħar ta’ Novembru “li tkun tista’ tibda bil-ħidma tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss”.
Id-dati kollha kienu approvati mill-Kumitat Eżekuttiv waqt laqgħa t-Tlieta filgħaxija. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-elezzjonijiet se jsiru kif ġej:
Is-Sibt 4 ta’ Novembru: Kunsill Ġenerali li matulu jsiru l-elezzjoni għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, l-elezzjoni għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, l-elezzjoni għal President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, u l-elezzjoni biex jiġu eletti 18-il rappreżentant fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Il-votazzjoni kmieni f’dawn l-elezzjonijiet ssir is-Sibt 28 ta’ Ottubru. 
Is-Sibt 18 ta’ Novembru: Konvenzjoni Ġenerali li matulha jsiru l-elezzjoni għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, u l-elezzjoni għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament. Il-votazzjoni kmieni f’dawn l-elezzjonijiet ssir is-Sibt 11 ta’ Novembru.
In-nomini għaż-żewġ elezzjonijiet ta’ Viċi Kap jintlaqgħu bejn it-Tnejn 9 u l-Ġimgħa 13 ta’ Ottubru, waqt li dawk għall-elezzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ġenerali u għat-18-il rappreżentant fil-Kumitat Eżekuttiv jintlaqgħu bejn l-Erbgħa 18 u t-Tlieta 24 ta’ Ottubru.
Il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li matulha jinħatru l-karigi l-oħrajn – fosthom dik tas-Segretarju Ġenerali – issir il-Ħamis 23 ta’ Novembru. In-nomini għal dawn il-karigi jintlaqgħu bejn it-Tnejn 13 u l-Ġimgħa 17 ta’ Novembru.
Sadanittant, matul il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv inħatret ukoll il-Kummissjoni Elettorali li se tkun qed tmexxi dawn l-elezzjonijiet. Din se tkun magħmula min-Nutar Robert Muscat bħala Chairman, u Angelito Sciberras, Erica Gauci, Richard Muscat, John Debono, David Camilleri, l-Avukat Alessia Psaila Zammit, Euchar Mizzi u Graziella Attard Previ bħala membri.