“Il-Partit Laburista se jibdel l-istatut dan ix-xahar” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li matul dan ix-xahar, il-Partit Laburista se jkun qed jagħmel it-tibdiliet fl-istatut mitluba mill-Kummissjoni Elettorali sabiex ikun jista’ jirreġistra bħala Partit mal-Kummissjoni Elettorali.
Waqt li kien qiegħed iwieġeb għal domanda Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Prim Ministru qal li skont ir-regoli interni tal-Partit Laburista, f’April jista’ jagħmel it-tibdiliet fl-istatut. 
Ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Gino Cauchi kien qal li l-PL għandu “reġistrazzjoni pendenti” mal-Kummissjoni Elettorali. 
Gino Cauchi kien ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li “Il-Kummissjoni Elettorali kienet iddiskutiet il-pożizzjoni tar-reġistrazzjoni tal-Partit Laburista. F'Novembru kellhom parir legali li setgħu faċilment jagħtu status ta’ reġistrazzjoni temporanja lill-PL imma l-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet favur reġistrazzjoni pendenti.”
Dan kien jikkuntrasta ma’ dak li kien qal qabel il-PL li kellu reġistrazzjoni temporanja.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali kienet qalet li “Kapitlu 544 tal-liġijiet ta’ Malta ma fihx provvediment għal reġistrazzjoni ta’ partit b’mod proviżorju.” 
Fl-istess stqarrija l-Kummissjoni Elettorali kienet qalet li l-Partit Laburista kien applika biex ikun irreġistrat. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li “wara l-iskrutinju li sar skont il-liġi msemmija, sabet li parti tal-istatut kurrenti tal-istess partit ma kienx jissodisfa l-liġi. Il-Partit Laburista kien infurmat bis-sitwazzjoni u ntalab jaderixxi mal-provvedimenti tal-liġi msemmija.”
Fil-Parlament, il-Prim Ministru qal li minkejja li huma erba’ partit politiċi biss li ġew irreġistrati mal-Kummissjoni Elettorali, il-Partit Nazzjonalista, il-Partit Demokratiku, l-Alternattiva Demokratika u l-Moviment Patrijoti Maltin, il-Partit Laburista kien l-ewwel partit li applika biex jirreġistra u jissottometti l-istatu tiegħu.
Qal li minkejja li fil-fehma tal-PL l-istatut jaqbel ma’ dak li trid il-liġi tal-Finanzjament ta’ Partit Politiċi, il-Partit Laburista kien informa lill-istess Kummissjoni li kien se jagħmel tibdil ulterjuri fl-istatut tiegħu.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista – Il-Prim Ministru jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk.