Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-2017 b’ingann – Azzopardi

What a difference a Stay Makes
Miguela Xuereb

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru għandu jitlob apoloġija wara li x-xhieda ta’ Keith Schembri kixfet il-gibda ta’ Joseph Muscat fuq ir-raġuni vera għalfejn issejħet l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Azzopardi qal li x-xhieda ta’ Schembri fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wriet li r-raġuni vera wara l-elezzjoni bikrija tal-2017 ma kinitx il-kitba ta’ Daphne Carauna Galizia fuq Egrant.

Huwa qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat gideb fil-inkjesta u l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-2017 b’ingann.

Huwa qal li l-maskra issa waqgħet fuq l-ikbar gidba li welled il-Partit Laburista. Azzopardi insista li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jigdeb sa ġimagħtejn ilu fejn xehed li hu kien sejjaħ elezzjoni minħabba l-Egrant iżda Schembri xehed li d-deċiżjoni ttieħdet fi Frar.

Bl-istess mod, Muscat kien ilu jaf min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black sa minn sena qabel u li skont Azzopardi din kienet marbuta mat-tixħim ta’ Schembri u Konrad Mizzi u l-kumpanija sigrieta f’Dubaj.

Id-Deputat Nazzjonalista stqarr li d-deċiżjoni tal-elezzjoni ttieħdet xahar wara li bdiet il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Azzopardi qal li bix-xhieda ta’ Schembri ġew stabbiliti numru ta’ fatti – li Daphne Caruana Galizia kitbet fuq Egrant l-ewwel darba fl-20 t’April 2017 u d-deċiżjoni dwar elezzjoni bikrija ttieħdet qabel. Dan juri fil-fatt li d-deċiżjoni tal-elezzjoni ma kinitx il-kitba dwar Egrant. Huwa qal li dan jikxef il-pjan tal-Partit Laburista li jiddemonizza lil Caruana Galizia.

Azzopardi insista li Abela għandu jiddistakka ruħu mill-gidba ta’ Muscat.