Il-Partit Laburista jwiegħed li jkollu politiku responsabbli mill-biedja u s-sajd

Il-Partit Laburista sostna li jekk jitla’ fil-Gvern se jkollu politiku responsabbli mill-biedja u s-sajd. Dan sabiex ikun jista’ jisma’ u jaġixxi fuq dak li jgħidu s-sajjieda u l-bdiewa, kemm b’mod personali, kif ukoll permezz tal-koperattivi tagħhom. Dan ħabbru l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’diskussjoni li kellu mas-sajjieda, f’Marsaxlokk, f’liema laqgħa l-media kellha biss aċċess għad-diskorsi ta’ introduzzjoni.

Joseph Muscat enfassiza ma’ dawk preżenti li fil-qasam tas-sajd, b’mod partikolari, kollox irid isir konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Il-Mexxej Laburista spjega kif il-PL jekk jirbaħ il-Gvern se jkun qiegħed jagħti l-vantaġġi kollha, dejjem fid-dawl tar-regoli Ewropej, sabiex is-sajjied Malti jkun jista’ jikkompeti u jkompli jikber.

Il-Mexxej Laburista sostna li matul dawn l-aħħar snin, l-oqsma tal-biedja u s-sajd ingħataw il-ġenb. Fuq l-istess binarju, il-PL wiegħed li se jkun qiegħed iwaqqaf bord konsultattiv sabiex fih ikun hemm rappreżentanti tal-koperattivi, li għandhom jiltaqgħu mal-politiku millinqas darba fix-xahar, qal Joseph Muscat. L-istess bord għandu wkoll jgħin lill-Gvern sabiex ikun jista’ jitkellem fil-fora Ewropea, b’hekk ikunu jistgħu jiġu influwenzati anke xi direttivi tal-istess Unjoni Ewropea.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista temm jgħid li jekk ikun hemm xi closed season, u għalhekk impediment sabiex wieħed ikun jista’ joħroġ jistad, is-sajjieda għandhom jingħataw kumpens.